Friday, November 15, 2024

Jibda l-ġuri ta’ raġel akkużat bi stupru fil-Parlament Awstraljan

Aqra wkoll

Beda għaddej ġuri raġel akkużat li stupra kollega fil-Parlament tal-Awstralja f’Canberra.

Bruce Lehrmann jinsab akkużat li attakka sesswalment lil Brittany Higgins fl-uffiċċju ta’ ministru tal-Gvern f’Marzu tal-2019.

Lehrmann ta’ 27 sena qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi u ċaħad ukoll li kellhom x’jaqsmu sesswalment flimkien.

Dan il-ġuri huwa mistenni li jdum madwar sitt ġimgħat u fih se jkunu qegħdin jixhdu diversi xhieda ta’ profil għoli. 

Meta t-Tlieta filgħodu beda jinstema’ l-każ, il-prosekuturi qalu li l-allegat inċident seħħ wara “lejla ta’ sakra” mal-kollegi. Qalu wkoll li Lehrmann u Higgins kienu waqfu fil-Parlament, fejn it-tnejn li huma kienu jaħdmu, u Higgins raqdet fuq sufan fl-uffiċċju ta’ ministru. 

F’intervista li kienet tat lill-pulizija u li xxandret fil-Qorti, is-Sinjura Higgins qalet li tiftakar li mbagħad l-akkużat allegatament kien mar jistupraha. “Għidtlu le minn tal-inqas 12-il darba. Huwa iżda ma waqafx. Jien kont qed nibki l-ħin kollu,” qalet Higgins. 

Il-Qorti Suprema tat-Territorju Kapitali Awstraljan semgħet lis-Sinjura Higgins kienet ikkunsmat 11-il “drink” aktar kmieni dak il-lejl u fil-jiem ta’ wara, kienet ideskriviet lilha nfisha bħala persuna li tant kienet xorbot li bilkemm setgħet tikteb isimha stess. 

Inizjalment hija rrapportat l-inċident f’April tal-2019, iżda l-Qorti semgħet kif irtirat l-ilment tagħha minħabba li beżgħet li se tfixkel ix-xogħol tagħha waqt kampanja elettorali. 

Sentejn wara, fi Frar tal-2021, talbet lill-Pulizija biex terġa’ tiftaħ il-każ wara li għamlet intervisti ma’ żewġ ġurnalisti. Iżda l-Avukat ta’ Lehrmann, Steven Whybrow, qal li r-rakkont tal-avvenimenti tas-Sinjura Higgins kien fih ħafna inkonsistenzi. 

Ekonomija

Sport