Sunday, November 24, 2024

Jibda l-każ kontra s-suspettat bil-qtil ta’ Paulina Dembska

Aqra wkoll

12:05 p.m: Deher irodd is-salib darbtejn minn filmati tas-CCTV

Minn analiżi tal-filmati tas-sigurtà, il-Pulizija sabet li għall-ħabta ta’ 1:20 a.m, Dembska kienet miexja fil-kumpanija ta’ persuna maskili. Għall-ħabta tal-4.30 a.m dehret miexja lejn in-naħa ta’ Tas-Sliema. Il-Pulizija segwew ukoll il-movimenti tal-imputat fejn deher dieħel f’parkeġġ ta’ lukanda għall-ħabta tal-4:35 a.m u ftit tal-ħin wara kellu konfront ma’ żewġt irġiel. L-imputat deher miexi minn ħdejn il-Barracuda u mal-liwja radd is-salib darbtejn. 

L-Ispettur Ransley kompla jgħid li minn aktar investigazzjonijiet ġie stabbilit li l-persuna li kienet miexja ma’ Dembska kien ċertu Juan, ta’ nazzjonalità Kolumbjana. Dan ġie mitkellem fit-8 ta’ Jannar fis-CID. Spjega li kienu ltaqgħu ġurnata qabel fi klabb tal-istudent tal-Ingliż u kienu ddeċidew li jmorru jimxu flimkien. Qal li huma mxew sal-Balluta u stedinha biex tmur għandu iżda ma aċċettatx u qaltlu li kienet se tmur id-dar. Mistoqsi għaliex ma ġiex l-għassa minn jeddu, Juan qal li kien ingħata parir biex ma jitkellimx qabel ikellmuh il-pulizija. 

L-Ispettur kompla jgħid li “Iddeċidejt li nara dan il-film li semmielna l-akkużat. Alex il-protagonista ta’ dan il-film kien persuna abbużata sesswalment kif kien Abner sfortunatament. Alex kien ikkommetta murder u rape. Alex kien qal li kien kellmu x-xitan kif kien qal Abner lilna. Alex kien qal li sab refuġju f’Alla. Stajt nifhem għalxiex kien qal li dan il-film jiddeskrivi l-ħajja tiegħu.” 

Abner kien ukoll ġie rikoverat l-Isptar Monte Carmeli. Imbagħad wara kien rilaxxat huwa ġie interrogat. Mill-interrogazzjoni ġie stabbilit li kien kapaċi jagħraf bejn dak li huwa tajjeb u dak li hu ħażin. Abner beda jġib ruħu b’mod stramb qisu jagħti x’jifhem li għandu xi problemi mentali. Ħareġ ukoll li kien kapaċi jgħid l-ħin x’ħin kien il-Balluta qabel il-qtil. Qal ukoll li kien ipparkja f’lukanda u li dakinhar tal-każ, kien hemm xi “frekwenzi” li daħlu ġo moħħu. Qal ukoll li kien mexa wara xi rġiel u qalilna li kien mar jattakkahom. Mistoqsi dwar il-qtil ta’ Paulina Dembska, huwa qal li beda jinsa u ma’ ra l-ebda omiċidju.

Minn hemm huwa kien tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil u l-istupru ta’ Dembska.

Skont iċ-ċertifikat mediku, jingħad li Abner jista’ joħroġ mill-kwarantina fis-27 ta’ Jannar.

Is-Seduta li jmiss hija skedata għall-4 ta’ Frar.

11:50 a.m: Ħaseb li kien qiegħed jagħmel il-push ups, iżda taħtu kien hemm par saqajn ta’ mara

L-Ispettur kompla li l-Pulizija tkellmu ma’ raġel li rrapporta dwar inċident suspettuż f’Ta’ Tas-Sliema. Marru jħabbtulu d-dar tiegħu biex ikellmuh. Qalilhom li bejn il-5:00 a.m u l-5:15 a.m kien miexi l-front lemaħ raġel liebes top maroon. Għall-ewwel ħaseb li kien qiegħed jagħmel il-push ups, iżda meta ħares sew induna li taħtu kien hemm par saqajn ta’ mara. Ir-raġel kien bil-qalziet imniżel. Mistoqsi jekk kienx sema xi ħsejjes, ir-raġel qal mal-Pulizija li la hu u lanqas il-vittma ma kienu qegħdin jagħmlu ħsejjes.

11:45 a.m: Omm Abner tgħid li binha donnu sab lil Alla fir-River of Love

Wara, flimkien mal-Ispettur Wayne marru jkellmu lil omm Abner li laqgħethom u kienet kordjali. Spjegatilhom li Abner kien jagħmel użu mill-marijuana, iżda f’daqqa waħda qisu sab lill-Alla, beda jmur ir-‘River of Love’ u minn hemm qisha rat bidla fih. Rigward il-grif, l-omm qalet li xi jiem qabel kien qata’ jdejh b’sikkina għax dejjem ried ikun stunt man.

L-Ispettur fix-xhieda tiegħu tkellem ukoll dwar mutur li nstab fl-ewwel sular taħt l-art ta’ parkeġġ fiż-żona. Fuq il-handle tal-lemin kien hemm traċċi ta’ dmija u xagħar. 

11:40 a.m: Abner kellu tiċpis ta’ demm fuq il-kalzetti

L-Ispettur jitkellem dwar l-interrogazzjoni. Abner kien fuq l-istretcher u beda jsemmi li mexa wara mara, għajtilha u baqgħet miexja aktar bis-saħħa. Komplew bid-domandi u ż-żagħżugħ qal li qatilha għax “pruvat twaqqafni”. Hawnhekk iż-żagħżugħ staqsihom jekk qattx kienu raw il-film ‘A clockwork orange’ u li dan kien jiddeskrivih. L-attur prinċipali ta’ dan il-film huwa persuna psikopatiku. Minn hemm ittieħdet id-deċiżjoni li jittieħed lejn id-Depot.

“Waqt li bdejna nkellmuh, fuq il-kalzetti tiegħu rajt li qisu li kien hemm tiċpis tad-demm. Għamilt sinjal lil Wayne. Hemmhekk tajnieh l-istruzzjonijiet li jitniżżel il-forensika”, kompla jixhed l-Ispettur.

11:30 a.m: “Itlaq ’l hemm għax ma rridx ikun hawn it-tieni vittma”

Intant l-Avukat tad-Difiża Mario Mifsud staqsa jekk Aquilina, sa dak il-ħin kienx ingħata d-drittijiet tiegħu bħala akkużat.

Kompliet ix-xhieda tal-Ispettur Ransley li qal kif Abner Aquilina daħal fil-knisja minħabba li ried li l-qassis jagħmillu karta li tgħid li mhuwiex kriminal.

Iktar tard, meta ommu marret ħdejh fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana qalilha “itlaq ’l hemm għax ma rridx ikun hawn it-tieni vittma”.

L-Ispettur qal li waqt li kienu l-Furjan tkellmu ma’ Abner u meta għamlulu ċertu domandi pertinenti, qalilhom “tistaqsux domandi li ma tridux tweġiba għalihom”. Kien hawn li l-Pulizija bdew jippressaw. Kien ftit wara li l-Pulizija tawh id-drittijiet tiegħu bħala akkużat.

L-Avukat Mario Mifsud qal li se jkun qiegħed iressaq referenza kostituzzjonali minħabba li fi kliemu d-dritt ta’ avukat kellu jingħata qabel Aquilina beda jiġi interrogat mill-Pulizija.

11:00 a.m: Kif ħarġuh mill-Knisja nnutawlu grif f’idejh

Għall-ħabta tas-5:50 a.m kien infurmat li ċertu Gerorge Abner Aquilina kien qiegħed jinżamm għax kien daħal fil-Knisja tal-balluta, ta daqqa ta sieq lill-Ambone

u waqt li ħarġuh ’il barra nnutaw xi grif f’idejh. B’hekk huwa ttieħed fil-poliklinika tal-Furjana anke minħabba li kien fi stat aġitat ħafna. 

Aktar tard ġew infurmati l-ġenituri tiegħu b’dak li ġara u l-Pulizija niżlet biex tkellmu.

Għamiltlu ċara biex fl-ebda ħin ma jirreferi għal ġisem mejjet jew il-kelma omiċidju

“Is-sur Aquilina kien qal li x-xitan kien qallu biex jagħmel waħda”, kompla l-Ispettur filwaqt li żied jgħid li ż-żagħżugħ kien mexa wara mara li kienet dieħla fi knisja, dehret qsha Ingliża

però din baqgħet miexja aktar bis-saħħa. Qal li baqa’ jimxi warajha, dehret qisa Maltija. kienet qasira xagħarha qisu fl-aħmar u kienet liebsa ġakketta.

L-Ispettur wayne saqsieh kienx kellimha. Iż-żagħżugħ kien qalilhom biex ma jistaqsux mistoqsija li ma jridux tweġibiet tagħhom. 

“Bdejna ninsistu x’ried jgħid biha. Qalilna li jien qtilt persuna u rrejpjat persuna wara li kienet brain dead f’Ta’ Tas-Sliema. Qalilna li kienet żgħira u kellha barnuża tad-ditta, u fil-fatt vera rriżulta li kien hemm barnuża. Jiena kont naf li kien hemm żewġ barnużi waħda ħdejn il-vittma u oħra ftit ’il fuq. Saqsejtu fuq il-barnuża l-oħra s-sewda. Qalli li ma kinitx tiegħu. lċċarali għall-barnuża li kien hemm viċin il-vittma u qalli li kienet tagħha”, kompla l-Ispettur.

10:35 a.m: Il-vittma kienet għarwiena minn sidirha ‘l isfel… xagħar imwaħħal mar-railing

Jibda jixhed l-Ispettur. Huwa qal li fit-2 ta’ Jannar 2022 għall-ħabta tas-6.20 a.m il-pulizija f’Ta’ Tas-Sliema kienu infurmati li kien hemm persuna aktarx mejta ta’ sess femminili.

Fil-post marret is-Surġent fejn rat li fir-rampa li tagħti għal ġnien l-Indipendenza kien hemm mara tidher mejta u kienet għarwiena min taħt sidirha ’l isfel. Kien hemm żarbun u affarijiet oħra mifruxin mad-dawra tal-ġisem tagħha. Ix-xena kienet waħda pjuttost makabra u dan hekk kif kien hemm xagħar ta’ rasha imwaħħal mar-railing fejn kien hemm il-katavru.

Is-Surġent kellmet lil ċertu Timoty Jacob li kien qed jimxi fl-akwati u infurmaha li waqt li kien niżel minn hemm ra persuna ma tiċċaqlaqx, missilha l-polz u nduna li kienet mejta.

Is-Surġenta infurmat lill-Ispettur u mar fil-post u informa lill-Maġistrat tal-Għassa li minn naħa tagħha ħatret diversi esperti biex jassistutha fl-inkjesta.

Aktar tard kienet stabbilita l-identità tal-vittma. Kienet proprju Maria Paulina Demska.

10:20 a.m: Ippreżentat iċ-ċertifikat li Abner jinsab fi kwarantina mandatorja

Il-Qorti ġiet infurmata li l-imputat ma setax jattendi għal din is-seduta peress li qed jagħmel kwarantina mandatorja. Id-Difiża ddikjarat li ma kellhiex oġġezzjoni li jipparteċipa f’dawn il-proċeduri permezz ta’ video-link fit-Taqsima Forensi tal-Isptar Monte Carmeli.

L-Uffiċjal Korrettiv Paul Dimech tela’ fuq il-pedana tax-xhieda u ppreżenta lill-Qorti ċertifikat ta’ Abner li dan jinsab fi kwarantina.

Issa jmiss jixhed l-Ispettur Jonathan Ransley.

9:45 a.m: Abner Aquilina jinsab fi kwarantina… se jidher b’mod virtwali

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda ta’ Abner Aquilina dwar il-qtil ta’ Paulina Dembska mhux mistennija ttawwal dalgħodu minħabba li huwa jinsab fi kwarantina.

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena miż-Żejtun qed ikun akkużat li fit-2 ta’ Jannar li għadda qatel lill-Paulina Dembska, Pollakka ta’ 29 sena f’Tas-Sliema. Aquilina qed ikun mixli wkoll li żamm lil Dembska kontra l-volontà tagħha, li fil-Knisja tal-Balluta kiser il-bon ordni u l-paċi pubblika u li sar reċediv. 

Il-kumpilazzjoni tal-provi, kellha tibda llum quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia iżda sorsi qrib Talk.mt kkonfermaw magħna li Aquilina ma jistax jittella’ l-Qorti minħabba li jinsab fi kwarantina.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Shawn Pawney, Jonathan Ransley u Wayne Camilleri. Aquilina għandu jiddefenduh lill-Avukati Mario Mifsud u Christian Camilleri.

Sport