Sunday, December 29, 2024

Jibda t-tieni proċess tal-bejgħ ta’ Manchester United

Aqra wkoll

It-tieni proċess tal-bejgħ tal-club ta’ Manchester United diġá beda hekk kif nhar l-offerenti mistennija jirrapportaw f’Old Trafford għal aktar taħdidiet mas-sidien tal-club. 

Huwa maħsub li rappreżentanti tal-offerta bbażata fil-Qatar, mistennija jmorru l-ġimgħa d-dieħla filwaqt li t-team ta’ il-bankiera Amerikani, Raine Group, qed ifittxu li jilħqu ftehim.

Wara l-iskadenza għall-offerti għal kontroll totali u investiment parzjali x-xahar li għadda, Raine għażlu numru ta’ partijiet interessati li magħhom jixtiequ jmexxu l-affarijiet ‘il quddiem.

Jista’ jiġi żvelat li diġà għaddej perjodu ta’ due diligence, b’diskussjonijiet bejn diversi gruppi li għaddejjin bħalissa bdew it-Tnejn li għadda. Dawk li għadhom fit-taqtigħa għall-akkwist tal-club, se jingħataw informazzjoni finanzjarja qabel jaslu f’Old Trafford għat-taħdidiet neċessarji.

Peró huwa improbabbli li Sheikh Jassim bin Hamad Al Thani jew Ratcliffe kif ukoll is-sidien tal-United, il-familja Glazer, se jkunu preżenti f’dawn it-taħdidiet. Minflok, il-laqgħat se jkunu komposti mir-rappreżentanti finanzjarji u eżekuttivi għolja mill-offerenti.

Imbagħad il-pass li jkun imiss huwa perjodu ta’ esklussività, fejn parti magħżula tingħata aċċess sħiħ għall-kotba tal-club sabiex tagħmel offerta finali. Filwaqt li tnejn biss saru pubbliċi, huwa maħsub li hemm mill-inqas tnejn oħra wkoll fil-ġirja.

Barra minn hekk, il-familja Glazer stiednet offerti għal investiment parzjali jew kontroll sħiħ. Madankollu, xi wħud qrib il-proċess iħossu li t-tnejn mill-aħwa azzjonisti, Joel u Avram, jistgħu jfittxu li jibqgħu f’xi kapaċità tal-club, imsaħħa mill-qawmien mill-ġdid tal-United taħt il-manager Erik ten Hag, minkejja li l-Ħadd li għadda sofrew telfa kbir ta’ 7-0 kontra r-rivali eterni, Liverpool. 

Hemm bżonn ta’ madwar £1biljun sa £2bn biex jew jiġi żviluppat mill-ġdid Old Trafford jew inkella jinbena ground ġdid.

Problema oħra biex il-Glazers jitilqu għal kollox hija li ħadd mill-offerenti ma laħaq il-kriterja tagħhom – dik ta’ £6 biljuni … meta waslu biss sa £4.5 biljuni … £1.5 biljun inqas. Joel u Avram qed jinsistu li biex jitilqu minn Old Trafford, is-sitt aħwa jridu jirċievu £1 biljun kull wieħed.

Jekk dan ma jseħħx, Joe u Avram lesti li jixtru l-ishma tal-erbat aħwa l-oħra u jaċċettaw investiment ta’ £2 biljuni biex jibqgħu bil-maġġoranza tal-ishma fit-tmexxija tagħhom tal-club. 

Min-naħa l-oħra, il-Qatari jridu li sa x-xahar id-dieħel ikunu f’posthom biex ikunu jistgħu jagħtu l-fondi neċessarji biex tissaħħaħ l-iskwadra. 

Li se jiġri jew il-Qatari jiskappriċċaw lill-Glazers u jagħtuhom is-£6 biljuni jew inkella l-Amerikani jibqgħu fit-tmexxija tal-club. Dan it-tkaxkir tas-saqajn qed juri li l-Glazers huma xettiċi dwar il-bejgħ.

Nistennew u naraw.

Ekonomija

Sport