Monday, November 11, 2024

Jibda x-xogħol fuq proġett estensiv ta’ tisbiħ fiċ-ċentru tal-Imtarfa

Aqra wkoll

Il-pjazza prinċipali u dik sekondarja tal-Imtarfa se jingħaqdu flimkien fi proġett estensiv ta’ tisbiħ b’valur ta’ madwar €2 miljun. Qal dan is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia waqt żjara fejn ra x-xogħlijiet li qed isiru fuq dan il-proġett.

L-arkati eżistenti li jifirdu ż-żewġ pjazzez se jitneħħew biex b’hekk il-pjazza tal-Imtarfa se tiġi spazju miftuħ mill-isbaħ għar-residenti tal-lokal. Se jsir xogħol ta’ pavimentar ġdid kemm fil-pjazza u kif ukoll fuq il-passaġġi pedonali. Se tinbena funtana ġdida bi stil modern filwaqt li se titwaħħal sistema tad-dawl ġdida b’konsum baxx favur l-ambjent.

Barra minn hekk, se jinbena ġibjun tal-ilma ġdid u se jiġi restawrat wieħed eżistenti biex fihom jinġabar l-ilma tax-xita għat-tisqija ta’ diversi siġar, fjuri u pjanti li se jitħawwlu f’din il-pjazza.

Iż-żona ta’ parkeġġ fuq in-naħa ta’ Triq ir-Reġimenti Maltin se tiġi ristrutturata mill-ġdid u se tinkludi wkoll faċilità ta’ parkeġġ għall-persuni b’diżabilità. L-għamara għall-barra li se tinħadem għal dan il-proġett barra li se tkompli ssebbaħ il-post, se tkun ukoll qed tagħmel dan is-sit iktar aċċessibbli.

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal, “Dan huwa proġett ieħor li permezz tiegħu qed nagħtu lura lir-residenti tal-lokal spazju miftuħ ieħor mill-isbaħ u iktar aċċessibbli. Ġimgħa wara oħra qegħdin kemm ninawguraw u kif ukoll nibdew xogħlijiet fuq proġetti ġodda f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż kollu li bihom qed nkomplu nagħmlu differenza kbira fil-komunitajiet fejn ngħixu. Bħala Gvern qed nibagħtu messaġġ b’saħħtu tal-pjan u l-viżjoni tagħna f’dan is-settur biex inkomplu ntejbu dejjem iktar il-kwalità tal-għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin.”

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Imtarfa Kyle Mifsud laqa’ l-ħidma u l-impenn li sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex dan il-proġett tant mistenni mir-residenti beda jiġi implimentat. “Il-Kunsill Lokali ilu għal dawn l-aħħar ħames snin jaħdem mal-awtoritajiet konċernati u stakeholders oħra sabiex il-proġett seta’ jitwettaq. Minn spazju antik b’pavimentar mhux adegwat se jiġi modernizzat u se jkollna żona kbira fiċ-ċentru tar-raħal li tista’ titgawda mill-familji u l-komunità tal-Imtarfa,” sostna s-Sindku Kyle Mifsud.

Sport