Friday, December 27, 2024

Jibda xogħol ta’ restawr fuq il-fortifikazzjonijiet medjevali u l-Mina tal-Griegi fl-Imdina

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li beda x-xogħol ta’ restawr fuq il-fortifikazzjonijiet medjevali u l-Mina tal-Griegi fl-Imdina. Il-proġett se jara r-riġenerazzjoni tal-ħajt prinċipali viżibbli tal-fortifikazzjonijiet medjevali tal-Imdina u kif ukoll il-Mina tal-Griegi.

Dan il-proġett qed isir mid-Diviżjoni tar-Restawr u Preservazzjoni u x-xogħlijiet mistennija li jitlestew sal-aħħar ta’ Novembru 2023. Id-diviżjoni qed tieħu ħsieb il-finanzjament tal-proċess kollu, l-applikazzjoni għall-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll il-preparamenti tas-sejħa għall-offerti.

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru Bonnici stqarr li l-Gvern kommess li jkompli jinvesti fit-tisħiħ tal-wirt patrimonjali Malti biex ikompli jitgawda minn ġenerazzjonijiet futuri. Huwa qal li din il-ħidma ssaħħaħ il-prodott turistiku ta’ pajjiżna filwaqt li tissalvagwardja dawk l-elementi storiċi li jsawru bliet importanti bħalma hi l-Imdina.

Il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tad-diviżjoni tax-xogħol li qed iwettqu, partikolarment meta wieħed iqis in-natura partikolari tas-sit li qed jiġi restawrat u t-temperaturi għolja li jġib miegħu dan l- istaġun.

Il-Perit responsabbli mix-xogħol ta’ restawr, Maria Roberta Mallia, spjegat kif ix-xogħol se jinkludi tindif tal- faċċata mid-depożiti u qoxra sewdanija li akkumulaw maż-żmien; tneħħija ta’ kisi bis-siment; tikħil ta’ fili b’taħlita bbażata fuq il-ġir; tiswija u tibdil ta’ ġebel deterjorat speċjalment fuq il-faċċata esterna tal-Mina tal- Griegi; u restawr tal-aperturi tal-injam.

Ekonomija

Sport