Tuesday, May 14, 2024

Isle of MTV 2023 … jitkellmu l-protagonisti

Aqra wkoll

Waqt konferenza stampa li ġiet indirizzata f’lukanda ewlenija fil-Furjana, proprju ftit sigħat qabel l-Isle of MTV 2023, indirizzaw lil dawk preżenti l-ikoniċi One Republic, l-aktar famużi għad-diska tagħhom ‘Apologise’, Delta Goodrem, Mimi Webb u Tom Grennan, li fil-preżent jinsabu jokkupaw l-ewwel postijiet taċ-charts Ewropej, bil-hit singles tagħhom.

Ilkoll kellhom kliem ta’ tifħir għal pajjiżna fejn fil-ftit ħin li kienu ilhom Malta, baqgħu msħħra bis-sbuħija ta’ pajjiżna. Dan għalkemm din mhux l-ewwel darba f’pajjiżna għall-grupp leġġendarju One Republic li lura fl-2007 kien diġá ħa sehem fl-Isle of MTV meta dakinhar kien ħa sehem ukoll Enrique Iglesias.

Ġaladarba qed nitkellmu fuq One Republic, dan il-ġurnal saqsihom jekk iħossux li laħqu l-quċċata tal-karriera tagħhom, iżda huma wieġbu li jqisu li fadlilhom iktar suċċessi x’joffru lis-segwaċi tagħhom.

Huma qalu li jinsabu ferm ħerqana li jferrħu lil madwar 50,000 persuna li huma mistennija jattendu bi ħġarhom fuq il-Fosos tal-Furjana, illejla.

Tkellmet ukoll Delta Goodrem li qalet li: “Se nkun qed inkanta quddiem udjenza kbira u jien bniedma li nħobb ħafna nkun viċin tal-pubbliku u hekk beħsiebni nagħmel illejla.”

Wara kien imiss lil Mimi Webb fejn saħqet li: “Jien tip ta’ persuna li nfittex ħafna s-sehem tal-pubbliku u għalhekk insejħilhom minn issa sabiex jippreparaw sabiex flimkien niżfnu u nkantaw għall-mużika li se nkun qed nipprovdilkom.”

Indirizza lil dawk preżenti wkoll il-kantant, Tom Grennan, li fost oħrajn, qal li għandu 700 sena biex illejla jitla’ fuq il-palk tal-Isle of MTV biex jagħti spettaklu mill-isbaħ lil dawk preżenti.

Intant, Dj Alesso, ma kienx preżenti għal din il-konferenza stampa minħabba li fil-ħin li saret kien qed jivjaġġa lejn pajjiżna.

Preżentat u indirizzat il-mistoqsijiet lill-kantanti msemmija, il-preżentatriċi ta’ MTV, Becca Dudley.

Sport