Sunday, May 5, 2024

Jibdew il-preparamenti għall-pedamenti ta’ Triq Għeriexem

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar Triq Għeriexem fir-Rabat fejn Infrastructure Malta qed twettaq proġett ta’ €4 miljun. Illum beda x-xogħol ta’ tħaffir biex l-aġenzija tkun tista’ tifforma l-pedamenti ġodda ta’ din it-triq, ħidma li se tkun qiegħda twaqqaf il-ħsara li għal numru ta’ snin kienet qed tiġi kkawżata f’din it-triq u l-binjiet li jinsabu fiha.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “hawnhekk għandna proġett ieħor li se jkun qiegħed iwieġeb għall-karba tar-residenti, fuq triq ta’ 800 metru li kienet mibnija fuq saffi ta’ tafal fraġli u maqsum, ħsarat li kienu qed jiggravaw kull darba li tagħmel ix-xita. Ftit tax-xhur ilu kellna inċident fit-Telgħa tas-Saqqajja. Ma rridux naraw l-istess affarijiet jiġru hawnhekk. Qed nagħmlu ħilitna biex qabel tibda x-xita jitlesta l-iskavar biex niżguraw is-sigurtà u nserrħu moħħ ir-residenti. Din hija l-vera ħidma li tpoġġi l-ewwel u qabel kollox il-kwalità tal-ħajja li jgħixu n-nies.”

Il-proġett ta’ Triq Għeriexem jinkludi pedamenti ġodda, disinn aħjar għall-karreġġjata, belvedere b’passaġġ pedonali, bankijiet li jagħtu għal fuq il-wied u tisbiħ b’diversi siġar. Il-metodi li se jintużaw ġew identifikati flimkien mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-awtoritajiet ambjentali favur il-konservazzjoni ta’ kwalunkwe fdalijiet kif ukoll l-inqas impatt possibbli fuq l-għelieqi. Il-pjanti tal-proġett tħejjew mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Sport