Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard flimkien ma’ Infrastructure Malta u l-Kunsill Lokali tal-Imsida assistew għall-bidu tax-xogħlijiet fuq proġett ieħor minn sensiela ta’ proġetti mill-inizjattiva Vjal Kulħadd fi Triq Oscar Zammit, l-Imsida.
Dan il-proġett se jwassal għat-trasformazzjoni ta’ madwar 1,600 metru kwadru ta’ spazju ta’ triq f’żona pubblika moderna u pedonali li se tkun ta’ benefiċċju għall-istudenti, ir-residenti u l-viżitaturi.
Ix-xogħlijiet se jkunu qed jiffukaw fuq il-parti t’isfel ta’ Triq Oscar Zammit, direttament quddiem il-Junior College. Il-proġett huwa mfassal biex jagħti prijorità lill-persuni li jimxu filwaqt li jżomm il-parkeġġ fiż-żewġt itruf taż-żona sabiex tinżamm l-aċċessibbiltà għall-komunità tal-madwar.
Il-Ministru Jonathan Attard qal li l-Gvern qed ikompli jwettaq il-viżjoni tiegħu li jqiegħed lin-nies fiċ-ċentru tal-investiment infrastrutturali. “Permezz tal-proġett Vjal Kulħadd, qed naraw trasformazzjoni konkreta taż-żoni urbani f’ambjenti aktar ħodor, aktar siguri u aktar aċċessibbli għal kulħadd. Dan huwa investiment li jgħaqqad infrastruttura pubblika ta’ kwalità ma’ soluzzjonijiet ambjentali sostenibbli, bil-għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna,” qal il-Ministru Attard.
Il-proġett se jinkludi żoni ħodor ġodda, dawl pubbliku modern, Wi-Fi pubbliku, stands għar-roti, bankijiet u pavimentar bil-porfido. Se jsiru wkoll xogħlijiet infrastrutturali, inklużi mains ġodda tad-drenaġġ u tal-ilma, kif ukoll ġibjun għall-ġbir tal-ilma tax-xita li se jintuża għat-tisqija u t-tindif tal-ispazju pubbliku.
“Fl-Imsida, dan il-proġett se jagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ kuljum tal-istudenti, ir-residenti u l-viżitaturi, billi joħloq spazju pubbliku aktar modern u inklussiv. Infrastructure Malta tibqa’ impenjata li twassal infrastruttura li mhux biss ittejjeb il-mobilità, iżda wkoll il-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-ambjent li ngħixu fih”, temm jgħid il-Ministru.
Il-Perit ta’ Infrastructure Malta Anton Zammit spjega li din hija żona frekwentata miż-żgħażagħ fejn f’din it-triq kien ilu jinħass il-bżonn illi ma tibqax triq bil-vetturi imma ssir triq pedonali fejn iż-żgħażagħ jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom b’mod informali.
Is-Sindku tal-Imsida Charles Selvaggi qal li l-bidu tax-xogħlijiet huwa pass importanti. “Wara numru ta’ laqgħat ma’ Infrastructure Malta wasalna għal din il-ġurnata fejn beda l-proġett biex igawdu r-residenti kollha tal-Imsida u b’mod speċjali l-istudenti f’żewġ istituzzjonijiet edukattivi li hawn fil-viċinanzi,” qal is-Sindku.
Dan il-proġett jifforma parti mill-programm Vjal Kulħadd ta’ Infrastructure Malta u huwa wkoll miżura elettorali. L-għan ta’ dan il-programm huwa li jittrasforma spazji urbani f’żoni aktar siguri, aktar sostenibbli u aktar aċċessibbli. Il-post strateġiku tiegħu, maġenb il-Junior College, se joffri ambjent aktar sigur u aktar attraenti għall-eluf ta’ studenti u persuni li jużaw iż-żona kuljum.
