Il-fiduċja fit-turiżmu lejn Malta kompliet tikber u tissaħħaħ. Dan huwa rifless fl-għadd kbir ta’ turisti li ġew fostna fl-ewwel ħames ta’ xhur ta’ din is-sena. Biss biss, fix-xahar ta’ Mejju 2026 waslu Malta 457,636 turist, li jfisser żieda ta’ 22.3% meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel. Dan ifisser iktar dħul għan-negozji Maltin u Għawdxin fil-qasam tal-ospitalità, li jinkludi wkoll l-akkomodazzjoni u l-ikel.
Jekk imbagħad inħarsu lejn l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena u naraw x’introjtu kien hemm mit-turiżmu fl-ekonomija Maltija, insibu li l-infiq sħiħ tat-turisti kien stmat li laħaq il-€1,339.6 miljun, 14.7% ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess żmien tal-2025. In-numru tal-iljieli mqattgħin f’pajjiżna tela’ bi 12.0 fil-mija u b’hekk laħaq id-9.2 miljun lejl.
Għawdex ukoll gawda minn dan l-għadd ta’ turisti. F’dan il-kuntest kienet għaqlija d-deċiżjoni li Għawdex ikun ukoll parti mill-istrateġija għal turiżmu s-sena kollha u mhux staġjonali biss. Tant hu hekk li wieħed mill-elementi li jattiraw it-turisti lejn Għawdex huma l-bosta attivitajiet li jsiru fix-xhur kollha tas-sena.
B’danakollu ma rridux nilludu ruħna min-numru rekord ta’ turisti li jżuru l-gżejjer Maltin. Għalhekk għandna l-obbligu li nħarsu l-wirt storiku tagħna u anke naraw li l-karatteristiċi uniċi li jinstabu f’Għawdex għandhom jibqgħu bla mittiefsa biex b’hekk tibqa’ s-sbuħija oriġinali tal-gżira tat-tliet għoljiet.
Bi strateġija ta’ turiżmu s-sena kollha, hemm ukoll il-garanzija li l-ħaddiema f’din l-industrija se jibqgħu fl-impjieg. It-turiżmu jgħin ukoll biex pajjiżna jkun magħruf aktar madwar id-dinja. Dan kollu jgħin biex aktar nies jagħżlu lil Malta bħala destinazzjoni għall-vaganzi tagħhom.
Għalhekk aħna fiduċjużi li kemm l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kif ukoll il-Gvern, flimkien mal-operaturi kollha se jkomplu jkunu katalisti biex is-settur turistiku f’pajjiżna jkompli jikber u jiffjorixxi. Kulħadd għandu jagħraf l-importanza tat-turiżmu u jaħdem biex inkomplu noffru esperjenza sabiħa u pożittiva lil kull min iżur pajjiżna.
