Permezz ta’ emenda fil-policies, il-pensjonanti li jgħixu fi proprjetajiet tal-Awtorità tad-Djar se jkunu protetti minn kwalunkwe żieda futura fil-kera li tista’ tirriżulta mill-eżerċizzji ta’ reviżjoni tal-kera.
Il-miżura l-ġdida tfisser li ladarba l-kera ta’ kerrej tkun ġiet stabbilita fuq il-bażi li huwa jew hija pensjonant(a), din ma tibqax tkun soġġetta għal żidiet waqt reviżjonijiet futuri tal-kirja li l-Awtorità tad-Djar tagħmel minn żmien għal żmien. L-emenda se tapplika wkoll għall-pensjonanti li l-kera tagħhom diġà ġiet ikkalkulata mill-ġdid matul l-eżerċizzju ta’ reviżjoni li għaddej bħalissa, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali għall-familji eliġibbli kollha.
Filwaqt li t-titjib reċenti fil-mekkaniżmu tal-kalkolu tal-kera diġà wassal għal valutazzjonijiet aktar ġusti u aktar favorevoli għall-kerrejja, il-Gvern identifika l-ħtieġa li jintroduċi salvagwardja addizzjonali għall-pensjonanti li jiddependu primarjament mid-dħul tal-pensjoni tagħhom.
Din ir-riforma tinsab fil-qalba tal-impenn ta’ dan il-Gvern lejn l-anzjani, billi tirrikonoxxi l-kontribut li taw lis-soċjetà tagħna tul ħajjithom u tirrifletti t-twemmin tal-Gvern li l-anzjani tagħna għandhom igawdu l-irtirar tagħhom b’aktar stabbiltà finanzjarja u serħan il-moħħ, mingħajr il-biża’ ta’ żidiet futuri fil-kera.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici, qal li din l-emenda hija eżempju ieħor ta’ Gvern li jqiegħed lin-nies fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tiegħu.
“Flimkien mal-Awtorità tad-Djar ħadt din id-deċiżjoni għax nemmen bis-sħiħ li l-anzjani tagħna jistħoqqilhom appoġġ kontinwu permezz ta’ politika li tagħmel differenza reali fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Billi qed nassiguraw li l-pensjonanti ma jiffaċċjawx żidiet fil-kera tagħhom wara reviżjonijiet futuri, dan il-Gvern qed jagħti ċertezza, stabbilità, serħan il-moħħ, u sigurtà lil eluf ta’ anzjani li jiddependu mid-dħul tal-pensjoni tagħhom. Din hija miżura ta’ ġustizzja soċjali li tirrifletti l-valuri li dejjem mexxew lil dan il-Gvern.”
Il-Ministru Bonnici żied jgħid li din il-miżura tkompli ssaħħaħ il-ħafna inizjattivi li ġew introdotti matul dawn l-aħħar snin biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet għal tlettax-il sena konsekuttiva, is-sussidji fuq il-prezzijiet tal-ilma u d-dawl, il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli u akkomodazzjoni soċjali, kif ukoll din l-aħħar miżura li qed tagħti lill-anzjani aktar sigurtà finanzjarja u aktar serħan il-moħħ.
