Jindika li ċertu multi għandhom jiżdiedu

Aqra wkoll

Wara diversi episodji li fihom inkisret il-paċi pubblika, bħalma rajna dan l-aħħar fil-każ tas-Swieqi meta grupp ta’ turisti żgħażagħ barranin ġew immultati fuq il-post talli ħolqu storbju u tefgħu fliexken għal ġot-triq, kien hemm bosta persuni u organizzazzjonijiet, inkluż l-MHRA, li appellaw sabiex ikun hemm pieni aktar ħorox għal min jinqabad iwettaq reati bħal dawn.

Fil-fatt, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield esprima l-qbil tiegħu ma’ dawn is-suġġerimenti tant li mistenni jsir proċess biex fejn hemm bżonn jiġu aġġornati l-liġijiet u jkunu effiċjenti u ta’ deterrent akbar għaż-żminijiet tal-lum. 

“Naqbel mal-MHRA u ma’ dawk kollha li qed jgħidu li ċertu multi huma baxxi. Se nkun qed inħares lejhom għaliex fl-opinjoni tiegħi l-multi għandhom jirriflettu d-danni li jkunu qegħdin isofru r-residenti minn kontravvenzjonijiet tal-persuni li jkunu qed iwettquhom,” qal il-Ministru Bedingfield.

Wara l-każ tas-Swieqi, l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) kienet appellat biex il-multi li jingħataw fuq il-post jiżdiedu sabiex iservu ta’ deterrent aktar effettiv kontra mġiba anti-soċjali.

Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni kienet tkellmet dwar il-ħtieġa li jiżdiedu l-multi li joħorġu fuq il-post. Skontha, il-multi attwali huma baxxi wisq biex jaġixxu bħala deterrent effettiv kontra mġieba li tfixkel il-komunitajiet Maltin.

L-MHRA qalet ukoll li Malta tilqa’ turisti, li l-maġġoranza tagħhom jirrispettaw lil pajjiżna u jikkontribwixxu b’mod pożittiv lejn l-industrija lokali tat-turiżmu. Madankollu, intqal, li dawk li jagħżlu li ma jirrispettawx lil Malta, in-nies u l-liġijiet tagħha, għandhom jiffaċċjaw infurzar sod li jirriflettu l-ħidma u s-serjetà fl-awtoritajiet Maltin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport