Sunday, November 24, 2024

Jibdew jinġabru fondi b’risq il-poplu Ukren

Aqra wkoll

Fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, Caritas Malta f’kollaborazzjoni ma’ Caritas Internationalis, appellat għal donazzjonijiet ta’ flus b’risq il-poplu tal-Ukrajna li bħalissa għaddej minn tbatija kbira minħabba l-gwerra. Din hi waħda mill-inizjattivi li l-Knisja f’Malta qed tieħu biex tgħin lill-poplu Ukren. 

Madwar tliet miljun persuna Ukrena għandhom bżonn għajnuna umanitarja wara l-attakki mir-Russja li bdew fl-24 ta’ Frar. L-attakki mill-armata Russa għamlu diversi ħsarat f’diversi bliet fil-Lvant tal-Ukrajna, fosthom fil-kapitali Kyiv, fejn ġew ibbumbardjati djar, appartamenti, sptarijiet u skejjel. 

Caritas Malta qed tappella għad-donazzjonijiet biex permezz ta’ Caritas Internationalis tingħata l-assistenza tant meħtieġa f’dan il-pajjiż. L-għajnuna se tissarraf f’ikel, ilma, akkomodazzjoni u oġġetti għall-iġene personali. Se tingħata wkoll għajnuna lill-persuni vulnerabbli sabiex jingħaqdu mal-qraba tagħhom li jinsabu f’żoni siguri filwaqt li qed jinħolqu wkoll spazji rikreattivi għat-tfal. Dan biex huma jkunu jistgħu jipparteċipaw fi sports u attivitajiet li jtaffu ftit mit-tbatija psikoloġika li għaddejjin minnha. 

Min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jibgħat ċekk pagabbli lill-Fondazzjoni Caritas Malta – Emergency Aid Fund, indirizzat: Caritas Community Centre, Emergency Aid Commission, Triq Mountbatten, il-Ħamrun, ĦMR 1577. Id-donazzjonijiet jistgħu jingħataw ukoll lill-kappillani fil-parroċċi biex jgħadduhom lil Caritas Malta. Jistgħu jiġu depożitati wkoll donazzjonijiet ta’ flus f’dawn il-kontijiet bankarji:

HSBC MT22MMEB44897000000089021513051 

BOV MT78VALL22013000000040023270071 

APS MT31APSB77046000489010489011015 

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll online fuq www.caritas.org/ukraine-appeal-22. Fl-aħħar jiem, il-Papa Franġisku appella diversi drabi għat-talb u l-paċi fl-Ukrajna. L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi jingħaqdu fl-appell tal-Papa Franġisku u jistiednu lill-Insara f’Malta biex filwaqt li jitolbu għall-Ukrajna, ikunu ġenerużi bid-donazzjonijiet tagħhom b’risq dawk li qed ibatu. Min jixtieq iktar informazzjoni dwar kif jista’ jgħin lill-poplu Ukren jista’ jċempel fuq 22199000

Sport