Saturday, December 21, 2024

Jibdew jitħallsu r-rati l-ġodda tal-In-Work Benefit

Aqra wkoll

Mill-introduzzjoni tal-In-Work Benefit fl-2015 sal-lum, aktar minn 7,400 familja bbenefikat minn  dan il-benefiċċju f’xi żmien jew ieħor, li ħalla €16.5m fi bwiethom. Sa issa, fl-2020, madwar 2,500  familja qed jibbenefikaw minn rati għola tal-benefiċċju tal-in-work benefit.  

Fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin, se jkunu qed jingħataw il-kumplament tal-pagamenti lill-familji l-oħrajn eleġibbli għal dawn ir-rati l-ġodda. Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet  mill-Ministru Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti Mark Musu. 

Ir-rati għola ddaħħlu fil-mini budget ta’ Ġunju li għadda bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni tal gvern fid-dawl tal-pandemija Covid-19. Din iż-żieda qed igawdu minnha koppji fejn it-tnejn jaħdmu,  single parents u koppji fejn jaħdem ġenitur wieħed biss. 

Dawn il-familji li rċievew il-pagamenti din is-sena raw żieda ta’ €250 addizzjonali bħala suppliment,  filwaqt li minn dan ix-xahar bdew jingħataw il-pagamenti bir-rati l-ġodda miżjuda.  

Il-Ministru Michael Falzon qal li ż-żidiet huma stmati li se jammontaw għal €3.2 miljun din is-sena,  filwaqt li fakkar illi dan il-Ministeru baqa’ jħaddem miżuri bħat-Tapering of Benefits, childcare  b’xejn, filwaqt li komplew jiġu indirizzati inġustizzji tal-passat, pensjonijiet u għexieren ta’ miżuri  soċjali oħrajn.  

Fix-xhur li għaddew, madwar 8,400 persuna bbenefikaw minn benefiċċji addizzjonali li ngħataw  mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali waqt il-pandemija Covid-19.  Dawn il-persuni bbenefikaw mill-ħlas temporanju tal-Benefiċċju ta’ Ġenitur u dak Addizzjonali għal  Diżimpjieg, il-ħlas temporanju tal-Benefiċċju tad-Diżabbiltà u dak Mediku. 

Is-Segretarju Permanenti Mark Musu stqarr li t-total imħallas sa issa mill-2015 ’l hawn huwa €16.5m.  Qal li żdied id-dħul massimu minn €24,812 għal €26,000 fis-sena għal koppja fejn it-tnejn jaħdmu. L-ogħla rata applikabbli żdiedet minn €1,300 għal kull wild għal €1,400. 

Ir-rati żdiedu; 

€100 fis-sena għal min għandu dħul sa €18,111; 

€50 fis-sena għal min għandu dħul minn €18,112 sa €22,811; 

€30 fis-sena għal min għandu dħul minn €22,812 sa €26,000;

Koppja fejn persuna waħda tkun taħdem 

Dħul massimu żdied minn €17,813 għal €22,000 fis-sena. L-ogħla rata applikabbli żdiedet minn €550 għal kull wild għal €630. Rati żdiedu bi €80 fis-sena. 

Persuna Waħedha 

Dħul massimu żdied minn €17,312 għal €18,200 fis-sena. L-ogħla rata applikabbli żdiedet minn €1,350 għal kull wild għal €1,400. Rati żdiedu bi €50 fis-sena. 

Dħul ikkunsidrat 

Dħul huwa minn xogħol biss wara li titnaqqas il-bolla. Dħul ieħor bħal interessi u renti ma jkunx  ikkunsidrat. Id-dħul ikun ikkalkulat fuq l-FS3s jew inkella fuq il-profit and loss account tas-sena ta’ qabel.

Ekonomija

Sport