Monday, November 4, 2024

Jibgħat ritratt ta’ pistola lil eks-sieħba u kitbilha “nisparalek”

Aqra wkoll

Raġel minn Birkirkara ġie mixli li kkawża biża’ fuq l-eks-sieħba tiegħu fejn qallha li se tkun qed tintuża l-vjolenza kontriha. Hu allegatament heddidha kif ukoll uża l-mezzi tal-komunikazzjoni b’mod ħażin.

James Tabone ta’ 39 sena, ġie mixli wkoll mill-pulizija li kiser l-ordni li kien ingħata minn Qorti oħra. Tabone qal fil-Qorti li hu jaħdem għal rasu filwaqt li wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.

Skont dak li qalu l-pulizija fil-Qorti, l-allegat vittma għamlet rapport nhar il-Ħadd li għadda fejn qalet li Tabone kien bagħtilha ritratt ta’ pistola u kien kitbilha messaġġ bil-kliem “nisparalek”.

Il-Pulizija mill-ewwel marru għand l-akkużat u għamlu tfittxija għal pistola, liema pistola ma nstabitx. Wara r-rapport tal-eks-sieħba tiegħu, Tabone kien qal lill-pulizija lli dakinhar kien fis-saħar u sab ritratt ta’ pistola u bagħatulha.

Qal ukoll li dan kien inċident ta’ darba u l-akkużat u l-allegata vittma spiss jikkomunikaw anki għaliex għandhom it-tfal. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-mara sakemm tingħata s-sentenza finali u ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.

Sport