Ċans li tferraħ tfal taħt it-12-il sena b’rigali tal-Milied

404

Stedina lill-pubbliku biex bejn f’nofs dan ix-xahar iħalli rigal jew aktar taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja. L-inizjattiva hi ta’ mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, li għal sena oħra qed torganizza l-kampanja “Rigal bi Mħabba” maħsuba biex ebda tifel jew tifla f’Malta ma jibqgħu bla rigal fil-Milied. Din is-sena r-rigali se jinġabru wkoll mil-lokalitajiet bil-għajnuna tal-Kunsilli Lokali.

Għat-tielet sena nfila ser issir l-inizjattiva ‘Rigal bi Mħabba’ mfassla biex tferraħ lit-tfal b’rigal tal-Milied.

L-inizjattiva tnediet minn mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, flimkien ma’ bintha Giorgia Mae waqt il-mixgħela tas-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja. Dr Abela qalet li l-għan ta’ din l-inizjattiva hi li ħadd mit-tfal Maltin ma jitħalla mingħajr rigal għall-Milied. Qalet li s-sena li għaddiet, eluf ta’ persuni laqgħu din l-istedina u ħallew bosta rigali.

“Bħas-sentejn preċedenti din l-inizjattiva nemmen li se tkun suċċess.. din is-sena b’differenza għax se nkunu qed ninvolvu wkoll il-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex u grazzi lill-Kunsilli Lokali li se jkunu qegħdin jgħinuna f’din l-inizjattiva, nemmen illi se tkun suċċess u nfakkar lin-nies li għandhom ċans jagħmlu dan mit-12 ta’ Diċembru sal-21 ta’ Diċembru.”

Il-Kunsilli Lokali ser ikunu qed iħeġġu lin-nies iħallu r-rigali għat-tfal sa 12-il sena fil-pjazez rispettivi tagħhom. Il-qofol ta’ “Rigal bi Mħabba” jintlaħaq fi Pjazza Kastilja fil-21 ta’ Diċembru b’ġurnata ta’ attivitajiet għall-familji fosthom b’Villaġġ tal-Milied u kunċert mill-banda tal-Forzi Armati.

Is-Sinjura Abela raddet ħajr lill-forzi dixxiplinati li għal sena oħra se jkunu nvoluti bil-ġbir u t-tqassim tar-rigali.