Sunday, December 22, 2024

Jiddebutta l-film Malti Blood on the Crown

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Illum fit-teatri kollha lokali ddebutta l-film Malti “Blood on the Crown”.  Din hi l-ewwel produzzjoni Maltija li tinkludi mal-kast Malti, is-sehem ta’ atturi ta’ fama nternazzjonali.  Ewlenin huma Harvey Keitel u Malcom McDowell. Id-direttur hu t-Taljan Davide Ferrario.

In-narrattiva fuq skript ta’ Jean Pierre Magro tirrakkonta l-ġrajja storika tas-Sette Giugno, meta fis-7 ta’ Ġunju 1919, diversi Maltin marru jipprotestaw il-Belt Valletta għall-fatt li l-provisti tal-ikel kienu skarsi u l-familji tal-ħaddiema ma setgħux jgħixu ħajja diċenti minħabba l-għoli tal-ħajja.  Dak in-nhar, suldati Ingliżi sparaw fuq il-folla u mietu  Manwel Attard, Wenzu Dyer, Ġużè Bajada u Karmenu Abela.  Diversi Maltin oħra ġew feruti.

Fost il-kast Malti jispikka Godwin Scerri fil-parti ta’ Filippo Sciberras, wieħed mill-mexxejja politiċi ta’ dak iż-żmien.  

“Blood on the Crown” hu ko-produzzjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti flimkien mal-privat.  Il-producers tal-film huma Jean-Pierre Magro, Pedja Miletic u Aaron Briffa.  Il-film sab ukoll is-sapport tal-Kummissjoni għall-Films. 

Teknikalment, il-film jilħaq l-ogħla livell mill-produzzjonijiet kollha Maltin li nħadmu sa issa.  Għalkemm wieħed jaf it-tmiem, l-istorja umana marbuta ma’ din il-ġrajja hi żviluppata tajjeb permezz ta’ diversi karattri sekondarji u toħloq dik it-tensjoni li tagħmel il-film interessanti.

Il-mużika ta’ Alexey Shor u Laurent Eyquem iddaħħlek sew fl-atmosfera tal-istorja.  Iċ-ċinematografu Keefa Chan qabad tajjeb ħafna it-toroq fl-ibliet tal-Kottonera, tal-belt Valletta u l-Palazz Verdala.  Il-Maltin kollha li taw sehem jidhru li jħossuhom kburin li qed jaħdmu ma’ kast internazzjonali u jagħtu l-ħajja ta’ ġrajja storika li ġabet bidla kbira kostituzzjonali fl-1921.

“Blood on the Crowen” (12A) jistħoqqlu li jkollu l-akbar għadd ta’ nominazzjonijiet fl-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards.  B’kollox għandu 15, fosthom dik għall-aħjar film.

Scream

F’Lulju tal-1997 kien iddebutta hawn Malta “Scream” u b’hekk ingħatat bidu għal franchise oħra ta’ slasher thriller.  L-ewwel film kien segwit b’tliet sequels.  Imbagħad il-franchise għaddiet għal fuq it-televiżjoni fejn inħadmu tliet staġuni.

“Scream” il-ġdid mhux reboot u anqas sequel.  Il-producers tiegħu qed isejħulu requel – estensjoni tal-franchise.

In-narrattiva ma tantx hi differenti minn dawk ta’ qablu.  Ninsabu ħamsa u għoxrin sena wara li l-belt ta’ Woodsboro ġiet itterrorizzata minn qattiela liebsa l-maskra ta’ Ghostface.  Tara Carpenter (Jenna Ortega) tkun qegħda tibgħat messeġġ lil Amber (Mikey Madison) meta t-telefon tad-dar jibda jċempel.  Meta Tara twieġeb hi ssib ruħha kkonfrontata mill-vuċi ta’ wieħed sadist li jgħidilha “Would you like to play a game, Tara?”.  Meta tiftaħ il-bieb tad-dar, Tara ssib lil xi ħadd jattakha b’sikkina.  Għalkemm tipprova ssakar il-bieb, Ghostface jitfaċċa warajha ġod-dar. 

Wes Hicks (Dylan Minnette) li jkun jattendi l-high school ma’ Tara jinforma lil oħtha Sam (Melissa Barrera) b’dak li jkun ġara.  Sam u n-namrat tagħha Richie (Jack Quaid) jmorru lura Woodsboro biex iżuru lil Tara fl-isptar.  Sadanittant, omm Wes, ix-xeriff Judy Hicks (Marley Shelton), issejjaħ il-ħbieb kollha ta’ Tara għall-interrogazzjoni.  Ghostface joqtol wieħed li kellu mument romantiku ma’ waħda minn dawn il-ħbieb.  U Sam tinforma lill-oħtha li l-missier bijoloġiku ta’ Tara hu Billy Loomis, il-qattiel fl-ewwel film.

Liema persuna hi s-suspettata li qegħda taħbu wiċċha wara l-maskra ta’ Ghostface?

“Scream” (18) il-ġdid hu l-ewwel wieħed mhux maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Wes Craven, billi dan ħalliena fl-2015.  Postu fuq is-siġġu tad-direzzjoni ħaduh tnejn: Matt Bettinelli-Olpin u Tyler Gillett.  Diversi atturi familjari ma’ din is-sensiela jirritornaw anke f’dan il-film ġdid, inkluż Courteney Cox, David Arquette u Neve Campbell.  “Scream” joħloq sitwazzjonijiet bis-sens sabiex iħallat dawn il-veterana mal-kast il-ġdid.

Dan il-film kien l-wieħed li kiseb l-akbar suċċess fil-box office Amerikana fi tmiem il-ġimgħa b’dħul ta’ $30.6 miljun.

Ekonomija

Sport