Saturday, December 21, 2024

Jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti ġodda tat-Transport Malta dwar il-ġarr ta’ passiġġieri b’karozzi bil-GY jew LY

Aqra wkoll

Fi stqarrija, Transport Malta qalet li l-għan aħħari ta’ dawn l-emendi huwa mmirat lejn operaturi ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri b’vetturi żgħar (operaturi), li għandhom liċenzja ta’ operatur maħruġa mill-Awtorità biex jipprovdu servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri b’kiri jew b’kumpens b’vetturi żgħar għall-ġarr ta’ passiġġieri (LPTVs), li jistgħu jġorru sa tmien (8) passiġġieri u li jkollhom pjanċi tarreġistrazzjoni bl-ittri “GY” jew “LY”.

L-emendi introdotti permezz ta’ dawn ir-regolamenti jiffokaw primarjament li jipprovdu aktar ċarezza u gwida kemm lill-operaturi kif ukoll lill-pubbliku u jikkumplimentaw l-isforzi kontinwi għal regolamentazzjoni tas-settur, inkluż l-emendi riċenti fuq l-obbligu ta’ liċenzja ta’ Malta jew tal-UE għal xufiera f’dan il-qasam.

Hawn taħt hawn sommarju tal-aspetti ewlenin ta’ dawn ir-regolamenti:

1.Kjarifika tal-Faċilità tal-Iggaraxxjar:

L-operaturi jistgħu jiggaraxxjaw vetturi żgħar għall-ġarr tal-passiggieri fi kwalunkwe post li mhux fittriq u li fih l-ipparkjar jew l-iggaraxxjar ta’ vetturi bil-mutur huwa permess u dan bil-kundizzjonijiet li huma spjegati aktar l-isfel.

2. Ħarsa ġenerali lejn l-Istruttura tar-Regolamenti:

Dawn l-emendi jinkludu set ta’ regolamenti li jikkjarifikaw definizzjonijiet u emendi għal diversi taqsimiet tar-regolamenti prinċipali.

3. Kummentarju dwar Regolamenti Ewlenin:

L-għan ta’ dawn ir-reviżjonijiet fir-Regolamenti huma li:

1. Isaħħaħ obbligi ta’ l-applikanti dwar l-użu esklussiv tal-faċilitajiet tal-garaxx u jissottomettu rapport minn perit b’warrant li jikkonferma l-indirizzi u l-pjanti tas-sit, kif ukoll jispeċifika innumru totali ta’ vetturi ta’ kemm tesgħa kull faċilità tal-iggaraxxjar.

2. Operaturi li għandhom ħames (5) vetturi jew aktar, għandhom jipprovdu l-permess ta’ żvilupp relattiv li japprova l-użu tal-faċilità tal-iggaraxxjar li fiha l-vetturi jkunu pparkjati bħala garaxx tas-servizz pubbliku, u jipprovdi d-dettalji ta’ kwalunkwe tali permess. Dan se jkun rekwiżit flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-Perit biex jiksbu l-liċenzja ta’ operator.

3. Id-dikjarazzjoni tal-perit flimkien ma’ site map iffirmati u ttimbrati mill-perit hu rekwiżit għal kull operatur irispettivament min-numru tal-flotta tiegħu.

4. Jikkjarifika li l-operaturi jipprovdu prova ta’ ipparkjar mhux fit-triq esklussivament għall-vetturi reġistrati tagħhom u jissottomettu rapport minn perit b’warrant.

5. Operatur li japplika biex jirreġistra vettura oħra taħt il-liċenzja tiegħu, għandu jkun ċert li qabel jagħmel dan, huwa jkollu biżżejjed spazju fil-faċilitajiet tal-iggaraxxjar eżistenti. Jekk il-faċilitajiet tal-iggaraxxjar eżistenti ma fihomx spazju biżżejjed biex jakkomodaw iż-żieda tal-vetturi, loperatur għandu japplika mal-Awtorità biex iżied faċilità tal-igaraxxjar biex jakkomoda iż-żieda tal-vetturi.

4. Data effettiva:

Dawn ir-regolamenti daħlu fis-seħħ mil-lbieraħ, iżda l-operaturi li għandhom fil-pussess tagħhom liċenzja ta’ operatur valida jew ikollhom applikazzjoni pendenti għall-ħrug ta’ liċenzja ta’ operatur għandhom tnax-il (12) xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti sabiex jikkonformaw mattermini tal-istess regolamenti.

L-Awtorita qalet li se tkun qed tipproċessa minnufih applikazzjonijiet, inkluż dawk li fl-aħħar jiem ma kinux imġedda sakemm inħarġu dawn l-emendi.

Għal aktar informazzjoni jew kjarifika dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, għandek tagħmel kuntatt ma’ Transport Malta permezz ta’ email fuq [email protected] .

Transport Malta qalet li hija impenjata li ttejjeb il-kwalità u s-sigurtà tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri f’Malta. Qalet li dawn l-emendi għandhom l-għan li joħolqu qafas regolatorju aktar effiċjenti u trasparenti għall-partijiet interessati kollha involuti fis-servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri b’vetturi żgħar u b’vetturi tal-kiri.

Ekonomija

Sport