Sunday, May 5, 2024

REFERENDUM FL-AWSTRALJA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Dnub li r-referendum dwar id-drittijiet tal-aboriġini fl-Awstralja ma għaddiex. Kellu jagħti s-sinjal li l-Awstralja fl-aħħar qed taffaċċja l-inġustizzji kbar li saru matul is-sekli mal-popli aboriġeni li għal millenji għexu fl-Awstralja u li fi żmien qasir ġew miknusa min-nofs u maqtula mill-“bojod” li waslu f’dak il-kontinent imbiegħed.

Il-proposta kienet li l-aboriġeni jingħataw għarfien kostituzzjonali bħala l-abitanti oriġinali tal-Awstralja u li għalhek ikollhom drittijiet ta’ “konsultazzjoni” minn qabel dwar deċiżjonijiet li jaffettwaw lit-territorju Awstraljan b’mod radikali. Fil-proposta kollha kien hemm is-sens ta’ indiema għad-delitti, uħud enormi, li twettqu fuq il-popli antiki tal-kontinent.

L-evidenza dwar l-atroċitajiet li seħħew hi magħrufa. Id-diskriminazzjoni legali u le, kif ukoll il-ħruxijiet kontra l-aboriġeni baqgħu lampanti. Il-ħtieġa li l-ġustizzja ssir dwar l-imgħoddi u dwar illum tidher ċara. Imma bit-twettiq tagħha, kienu jitqajmu ħafna problemi u mistoqsijiet, jitħarbtu ħafna preġudizzji. L-Awstraljani ppreferew jipposponuhom… għax dak li għamlu.

TELENOVELAS

Kif naraha jien, il-politika demokratika fis-soċjetajiet tal-lum tippernja madwar kemm gvern iwettaq il-wegħdi li jkun għamel b’suċċess u kemm jaf jilqa’ għall-kontroversji dwar il-ħila jew l-integrità tat-tmexxija tiegħu. It-tieni sfida tista’ tispiċċa aktar determinanti mill-ewwel waħda.

Kull gvern jiltaqa’ ma’ intoppi, li jqumu minħabba raġunijiet diversi. Żball kbir li jista’ jagħmel iżda hu li fejn għandu tort jew fejn il-kritika hi ġustifikata, jħalli l-istorja li tqum titwal. Ħaġa hekk hi bonanza għall-Oppożizzoni jew min qiegħed jikkritika.

Li jaqbel għall-avversarji ta’ gvern hi li kull kontroversja jibdluha f’telenovela. Nibqa’ skantat kif ta’ spiss wisq, il-gvern Laburista qed jaqa’ f’din in-nassa. Jekk hemm xi tort jew saru xi żbalji, mhux aħjar nikkoreġu u nnaddfu minnufih, milli nibqgħu għaddejjin bi stejjer li min jinsiġhom qed jara kif jagħmel biex minn jum għal jum, isib xi episodju ieħor x’jirrakkonta?

IL-KUNFLITTI FIL-POLITIKA

Min-natura stess kompetittiva tagħha, il-politika ddaħħal rankatura ta’ antagoniżmu personali: ir-rebħa ta’ naħa tfisser it-telfa tal-oħra u kollox irid isir biex tinkiseb ir-rebħa.

Ġew żminijiet meta anke f’Malta il-partitarji ta’ naħa kienu jużaw il-kelma ta’ “għadu” għall-partit avversarju – użanza li fortunatament m’għadhiex komuni. Kien hemm żminijiet meta daqqa naħa, daqqa oħra, inqdiet bi vjolenza fiżika biex trażżan l-attivitajiet tan-naħa l-oħra. Dak iż-żmien spiċċa għal kollox. Biss l-element ta’ vjolenza għadu fostna u min-naħat kollha tal-ispektrum politiku.

Mhijiex vjolenza fiżika; tieħu l-forma ta’ vjolenza morali u soċjali, jekk mhux ukoll ekonomika. Ħaġa li twassal lil ħafna nies biex jew ma jgħidu xejn dwar xinhuma ħsibijiethom, jew jgħiduh b’mod anonimu.

Sport