Friday, October 11, 2024

JIDĦOL FIS-SEĦĦ IL-FTEHIM DWAR STABBILITA FIL-PREZZIJIET TAL-IKEL

Aqra wkoll

Illum se tidħol fis-seħħ l-iskema mħabbra mill-Gvern għal stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel. Din l-inizjattiva flimkien ma’ benefiċċji oħra se toffri serħan il-moħħ għall-familji Maltin u Għawdxin, l-aktar dawk vulnerabbli, billi se jkun assigurat illi għad-disa’ xhur li ġejjin, il-prezzijiet ta’ 400 prodott essenzjali minn 15-il kategorija differenti mhumiex se jogħlew fil-prezz. 

Madanakollu kif irnexxielna naslu s’hawn? X’kienu r-raġunijiet ewlenin li wasslu biex jintlaħaq dan il-ftehim deskritt bħala wieħed storiku? Irridu qabel xejn niftakru li din l-inizjattiva hija riżultat ta’ ġimgħat twal ta’ diskussjonijiet mal-importaturi tal-ikel u s-sidien tas-supermarkets. Hi frott ukoll tal-persważjoni min-naħa ta’ dawk kollha involuti fosthom il-Gvern bil-għan li jkompli jonqos il-piż tal-inflazzjoni fuq il-poplu. Dan juri li fejn ikun hemm ir-rieda, l-affarijiet jitjiebu għall-aħjar.

Għalhekk nemmnu li dan il-proċess ta’ djalogu kien wieħed kruċjali biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim. Il-fatt li diġà hemm mal-200 stabbiliment li huma parti minn din l-inizjattiva u aktar riċenti komplew jiżdiedu magħhom għadd ta’ ħwienet żgħar tal-merċa, turi kemm l-interess f’din l-inizjattiva huwa wieħed konsiderevoli. 

Ħafna kienu dawk partikolarment familji li laqgħu b’sodisfazzjon din l-inizjattiva flimkien ukoll mal-General Workers’ Union li qalet li din se tfisser aktar għajnuna biex tinżamm il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema fil-pajjiż. F’dan il-kuntest ukoll ma nistgħux ninsew is-sussidju fuq id-dawl, l-ilma, il-fjuwils u ċ-ċereali, li qed igawdi minnu kulħadd inkluż in-negozji.

Il-mistoqsija li qiegħda tqum hi jekk dan il-ftehim jibqax sal-budget u mbagħad wara jogħlew il-prezzijiet. Għandna għax nifhmu però li wara li sar l-ewwel pass permezz tal-ftehim, fil-budget li ġej il-Gvern hu kommess li jerġa’ janalizza s-sitwazzjoni u b’hekk jingħata serħan il-moħħ dwar it-triq ‘il quddiem. 

Il-prevenzjoni hija aħjar mill-kura. Għalhekk, aħna tal-fehma li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu viġilanti biex jaraw li ma jkunx hemm min jabbuża u f’każ ta’ dan ikun hemm pieni ħorox. Inħarsu ‘l quddiem għal aktar attività ekonomika li permezz tagħha, in-negozji jkollhom qligħ ġust fl-istess waqt li tkompli titrażżan il-piż tal-inflazzjoni fuq il-familji Maltin. 

Sport