Jidħol fit-13-il jum il-ġuri ta’ Yorgen Fenech

Aqra wkoll

Wara jumejn ta’ xhieda mingħand Vince Muscat “Il-Koħħu”, il-Qorti mistennija tisma’ xhieda ġodda fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech. Fit-tlettax-il jum tal-ġuri kontra Yorgen Fenech, il-Qorti mistennija tisma’ mingħand xhieda ġodda wara għal dawn l-aħħar jumejn semgħet x-xhieda ta’ wieħed mill-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia; Vince Muscat, magħruf bħala “Il-Koħħu”. Huwa xehed fit-tul dwar il-pjan li wassal għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Pjan biex tinqatel b’tiri ta’ arma tan-nar

Fix-xhieda tiegħu, Muscat sostna li l-pjan oriġinali kien li Caruana Galizia tinqatel b’tiri ta’ arma tan-nar, iżda aktar tard iddeċidew li jużaw karozza bomba. Huwa qal li l-apparat splussiv ġie mmodifikat biex ikollu qawwa akbar, u sostna li kien preżenti għal ħafna mil-laqgħat fejn ġie pjanat l-assassinju, immexxija mill-aħwa Degiorgio u persuni oħra involuti.

Muscat allega wkoll li George Degiorgio kien kiseb in-numru tal-mowbajl ta’ Caruana Galizia u kien bagħtilha diversi messaġġi, fejn ippreżenta ruħu bħala persuna li kellha xi informazzjoni x’tgħaddilha. Caruana Galizia kienet wieġbet li ma kinitx tagħmel dawn it-tip ta’ kuntatti bit-telefon u stednitu jiltaqa’ magħha personalment.

Inkonsistenzi fix-xhieda

Madankollu, waqt il- kontroeżami twil tad-difiża, Muscat ġie kkonfrontat b’diversi inkonsistenzi bejn ix-xhieda li kien għadu kif ta fil-ġuri u dik li kien ta taħt ġurament drabi oħra. Id-difiża sfidatu wkoll dwar allegazzjonijiet li jinvolvu lill-eks ministru Chris Cardona, lill-avukat David Gatt u lill-eks Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri.

F’dan il-kuntest, Muscat ammetta li numru minn dawn l-allegazzjonijiet kienu bbażati fuq dak li qalulu oħrajn u mhux fuq fatti li kien ra jew sema’ hu stess. Fix-xhieda tiegħu, Muscat spjega wkoll għaliex iddeċieda jikkollabora mal-pulizija wara l-arrest tiegħu.

Huwa qal li beda jibża’ għas-sigurtà tal-familja tiegħu wara li allegatament sar jaf b’theddid fil-konfront ta’ wliedu waqt li kien qed jikkunsidra japplika għal maħfra presidenzjali. Tkellem ukoll għal allegati tentattivi biex jiġi influwenzat dwar x’verżjoni tal-fatti kellu jagħti lill-pulizija fil-bidu tal-investigazzjoni.

Il-ġuri

Yorgen Fenech, ta’ 44 sena, qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni kriminali maħluqa biex twettaq l-assassinju. Il-prosekuzzjoni qed issostni li huwa ffinanzja l-qtil u kkoordina l-pjan permezz tal-intermedjarju Melvin Theuma, allegazzjonijiet li Fenech qed jiċħad.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Fenech qed jidhru għalih l-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran, filwaqt li l-familja Caruana Galizia qed tkun rappreżentata mill-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi.

Il-ġuri qed jiġi ċċelebrat quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport