Friday, December 27, 2024

“Jien kont ivvotajt li tingħata sentenza għall-mewt… għamilt żball”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Nuqqas ta’ qbil fuq l-eżekuzzjoni ta’ omm minħabba dubji ta’ ħtija minn evidenza ġdida

Ftit tal-ġranet oħra f’Texas se tingħata s-sentenza għall-mewt lil Melissa Lucio, omm ta’ 14-il tifel u tifla li nstabet ħatja għall-qtil ta’ bintha li kellha sentejn meta seħħ il-każ aktar minn 10 snin ilu. Din l-eżekuzzjoni qajmet furur wara li fl-2020 ħareġ dokumentarju intitolat “Last Week Tonight with John Oliver” li fih jingħad li hemm provi ġodda u xhieda minn esperti li qajmu dubji kemm l-omm fil-verità kienet ikkawżat il-mewt ta’ bintha.

Din l-eżekuzzjoni wasslet ukoll għal klima politika partikolari f’Texas fejn il-membri parlamentari demokratiċi u repubblikani jinsabu fi qbil li Lucio għandha tingħata l-klemenza jew almenu tingħata ħarsa lejn l-evidenza l-ġdida msemmija f’dan id-dokumentarju.

Barra l-politiċi hemm ukoll ħames membri tal-ġurija li ppresjedew fil-każ ta’ Melissa Lucio, li jemmnu li l-provi ġodda għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni. Wieħed minnhom kiteb lill-ġurnal “Houston Chronicle”, fejn qal li kien ivvota li Melissa Lucio tingħata l-mewt iżda ammetta li għamel żball.

Jingħad li s-sentenza li ngħatat lil din l-omm hija riżultat ta’ sistema kriminali ħażina fejn l-omm ammetiet li hija ħatja ftit wara li bdiet l-interogazzjoni; kien hemm evidenza ppreżentata bħala waħda xjentifika iżda minn dak iż-żmien ‘l hawn saret dubjuża; l-akkużata kellha difiża dgħajfa fil-qorti u minħabba kwistjoni tal-ġeneru.

Bint Lucio, Mariah, mietet fid-dar tal-familja. L-avukati qalu li Mariah raqdet u ma reġgħetx qamet. Jumejn qabel it-tifla waqgħet it-taraġ u l-awtopsja kkonkudiet li l-kawża tal-mewt kienet ġrieħi f’rasha. Qabel il-mewt ta’ bintha, Lucio qatt ma ġiet irrapportat li hija b’xi mod vjolenti. 

Meta Mariah mietet, din l-omm kienet tqila b’tewmin u diġà kellha 12-il wild oħra. Jingħad li ħajjitha ma kinitx waħda faċli u li kienet tipprova tagħmel li tista’ biex tmanti lill-familja. Lucio kienet taħdem part-time u kellha problemi bil-vizzju tad-droga. Kien hemm ukoll perjodu fejn ma kellhomx saqaf fuq rashom u s-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal ħadulha għal ftit żmien lit-tfal. Dan, iżda, mhux għax din ma kinitx tieħu ħsiebhom sewwa. Fil-fatt, Lucio lanqas qatt ma kellha rapport li kienet tabbuża b’xi mod lil uliedha.

Fl-2007, is-sena li fiha mietet iċ-ċkejkna Mariah, Lucio kienet qiegħda tgħix mal-missier tat-tifla, Robert Alvarez u disat itfal oħra. Il-familja kienet għadha kemm marret tgħix f’appartament ġdid. 

Il-pulizija kienu interrogaw kemm lil Alvarez, kif ukoll lil Lucio iżda l-approċċ tagħhom lejn ir-raġel kien ferm differenti minn dak tal-mara. Dawn trattaw lil Alvarez bħala xhud aktar milli bħala suspettat. Wara r-raġel instab ħati biss li ma ħax lit-tarbija għall-kura meħtieġa u weħel erba’ snin ħabs. Din is-sentenza, hija ferm inqas ħarxa minn dik mogħtija lill-omm, jiġifieri dik tal-mewt.

Fl-interrogazzjoni huwa rrapportat li l-pulizija mill-ewwel akkużaw lil Lucio li sawtet għall-mewt lil bintha. Il-prosekuzzjoni wżaw it-tbengil u l-id miksura ta’ Mariah bħala provi ta’ abbuż. Din l-omm mill-bidunett saħqet li hija innoċenti u li bintha kienet weġgħet meta waqgħet it-taraġ. Fil-fatt, l-avukati tagħha kienu ġabu esperti fil-qorti li kkonfermaw li l-ġrieħi li kellha t-tifla setgħu ġew ikkawżati mill-waqgħa, iżda għal xejn. 

Issa minkejja li hemm ħafna nies, inkluż ulied Lucio u l-popolari Kim Kardashian, qegħdin jitolbu li Lucio ma tingħatax is-sentenza tal-mewt, l-eżekuzzjoni għadha ppjanata li ssir xorta waħda fid-data li ffissat il-qorti, jiġifieri nhar l-Erbgħa li ġej.

Ekonomija

Sport