Monday, May 13, 2024

“Jien ngħix duluri kuljum… nistrieħ biss meta ningħaqad miegħu”

Aqra wkoll

Omm iċ-ċkejken Nicholas li tliet xhur ilu miet f’inċident traġiku

Minn MARIA AZZOPARDI

Ilbieraħ ġie mfakkar Jum id-Duluri. Jum fejn il-ħajja tilbes libsa ta’ dieqa u sogħba fejn wieħed jidħol fih innifsu u jirrifletti dwar il-Madonna u n-niket li għaddiet minnu wieqfa taħt is-salib b’ħarsitha mbikkija fuq binha kollu dmija msallab qed imut. Din l-imħabba ta’ omm takkumpanjana fit-tbatija tagħna wkoll, forsi minħabba sitwazzjonijiet ta’ anzjetà, mard jew il-mewt li naffaċċjaw tal-għeżież tagħna.

Għal omm iċ-ċkejken Nicholas dan id-dulur ma jinħasx biss f’ġurnata waħda iżda tisħaq li hija tgħix id-duluri kuljum. Xtaqna nfakkru l-memorja taċ-ċkejken Nicholas u tkellimna ma’ omm Nicholas, Jolene Micallef Zammit, dwar id-dulur li tħoss.

Iċ-ċkejken Nicholas għadu kemm għalaq tliet xhur minn mindu ħalla din id-dinja iżda l-memorji tiegħu huma sbieħ immens u ma jintesew qatt. Kien l-għada tal-Milied li seħħ l-inċident f’barriera t’Ta’ Kandja fis-Siġġiewi, inċident li ħasad lill-poplu kollu tant li dakinhar meta ngħatat l-aħħar tislima l-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi kienet ippakkjata bin-nies u tfal tal-iskola biex isellmu l-memorja tiegħu.

Ommu ddeskrivitu bħala tifel eżemplari li għallem bil-mod tiegħu lit-tfal. Anġlu sabiħ li bid-daħka tiegħu kien jisraq ħafna qlub u li ħalla ħafna vojt. “Għalija ngħix duluri kuljum għax il-weġgħa mhu se tfieq qatt jekk ma mmurx ningħaqad miegħu… hemm biss nistriħ,” qalet Jolene.

Hija qalet li kull uġiegħ huwa differenti imma dak tal-omm huwa kbir wisq. “Ilni tliet xhur nibkih u nistennih… filgħodu u filgħaxija. Kemm ilu nieqes ħajjitna nbidlet kompletament. Filli ħajtek mżewwqa b’kollox filli f’sekonda tfarrak dak kollu jkollok. Nippruvaw inħarsu ‘l quddiem imma mhux dejjem faċli,” qalet b’emozzjoni l-omm.

Sport