Monday, April 22, 2024

Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2022

Aqra wkoll

​​​​​​F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul nieda l-edizzjoni ta’ Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2022. Fisser li llum, is-sinifikant ta’ dan il-premju huwa aktar minn qatt qabel għax jirrikonoxxi l-bżulija tal-ħaddiema fi żminijiet ta’sfidi.

Is-segretarju parlamentari qal li l-gvern dejjem ħa ħsieb jassigura li jkun mal-ħaddiema f’kull mument; anke f’dawk l-aktar diffiċli u li kienu jirrikjedu aktar sagrifiċċju minn qatt qabel. Qal ukoll li l-gvern huwa kommess li jibqa’ jaħdem favur aktar tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema u li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ħeġġeġ lill-pubbliku biex jipparteċipa u jinnomina lil dawk il-persuni li jaħsbu li huma denji li jirbħu Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2022, ħalli permezz ta’ hekk inkomplu noħolqu role models u nisimgħu bi stejjer ta’ suċċess.

Iċ-Chairperson tal-Bord Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2022 Angela Agius qalet li apparti l-premju ewlieni tal-ħaddiem/a tas-sena se jkun hemm disa’ kategoriji oħra li se jippremjaw:

  • it-tim tas-sena;
  • il-maniġer/kap tas-sena;
  • dik l-organizzazzjoni li tippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;
  • l-aħjar imprenditriċi;
  • l-aħjar imprenditur;
  • l-aktar mexxej/ja żagħżugħ/a ispiranti;
  • l-aktar kumpanija li tippromwovi r-responsabbiltà soċjali;
  • l-aktar organizzazzjoni inklussiva;
  • u lifetime achievement

Għal din is-sena, ġie introdott il-Premju ta’ Lifetime Achievement li fih ser ikun qed jiġi ppremjat dak/dik il-ħaddiem/a li matul ħajtu/ħajjitha ta/t kontribut sinjifikanti fuq il-post tax-xogħol.

In-nominazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2022 huma miftuħa sa nhar it-Tnejn 31 ta’ Ottubru. Wieħed jista’ japplika online billi jidħol fuq is-sit socialdialogue.gov.mt.

Wara li l-applikazzjonijiet jagħlqu, il-bord tal-għażla, li huwa kompost minn membri indipendenti, ser jiddetermina min ser ikunu r-rebbieħa f’kull kategorija biex imbagħad jitħabbru f’ċerimonja li ser issir fis-16 ta’ Diċembru taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella.

Sport