Saturday, December 14, 2024

Jiġi inawgurat iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira rinovat

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wara li f’dawn l-aħħar xhur kien qed isir xogħol ta’ rinovar komplut, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u Komunitajiet Alex Muscat, inawguraw iċ-Ċentru tas-Saħħa ġewwa l-Gżira li proprju minn għada se jilqa’ l-ewwel pazjenti ġewwa fih biex ikompli jagħti servizz ta’ saħħa fil-komunità.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Fearne qal li dan iċ-Ċentru tas-Saħħa sar grazzi għall-fondi tal-NDSF, fondi li matul is-snin ġew akkumulati grazzi għall-iskema tal-IIP. Spjega li r-rinovar ta’ dan iċ-ċentru tas-saħħa biss sar b’investiment ta’ €1.6 miljun li se jkomplu jżidu s-servizz li jiġi offrut lill-pazjenti fil-komunità.

Qal li dan iċ-ċentru tas-saħħa se jkun qed joffri s-servizzi tiegħu lill-populazzjoni ta’ ftit inqas minn 100,000, jiġifieri r-residenti tal-Gżira, tal-Imsida, Tas-Sliema, Tax-Xbiex, il-Kappara, Pembroke, San Ġiljan, San Ġwann, Swieqi u Ibraġġ.

Spjega li x-xogħol li sar huwa wieħed estensiv li fost l-oħrajn jinkludi għall-ewwel darba lift ta’ standards mediċi. Dan apparti mill-fatt li x-ray suite diġitali ġdida li se tagħti servizz lill-klijenti u l-pazjenti ta’ dawn l-inħawi, kif ukoll użu ta’ generators biex is-servizz ikun jista’ jibqa’ għaddej f’każ li jkun hemm interruzzjoni ta’ dawl.

Qal li dan ifisser li dawn il-fondi se jagħtu l-opportunità li jiġi offrut servizz aħjar lill-pazjenti tagħna. Fil-fatt fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira se jkun hemm fost l-oħrajn servizz tat-tabib, treatment room fejn wieħed jista’ jieħu kura ta’ emerġenza, servizz ta’ testijiet u teħid tad-demm, klinija tad-dijabete, servizz ta’ ECG, mental health clinic, speech language pathology clinic, servizz ta’ fiżjoterapija.

Qal li dawn is-servizzi jibdew jiġu introdotti fil-ġranet li ġejjin imma s-servizz f’dan iċ-ċentru tas-saħħa se jibda jingħata lill-pazjenti ta’ dawn il-lokalitajiet proprju minn għada stess.

Żied jgħid li apparti minn dan iċ-ċentru, wieħed jinnota li f’dawn l-aħħar ftit snin taw spinta qawwija lill-bereġ fil-lokalitajiet tagħna. Fil-fatt f’dawn l-aħħar sentejn u nofs infetħu numru ta’ bereġ fosthom Ħal Għaxaq, il-Belt, Santa Luċija, fost oħrajn filwaqt li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq dik ta’ Marsaskala li se tkun qed tinfetaħ dalwaqt u ħafna ċentri oħrajn fil-pajjiż. Miexi tajjeb ukoll ix-xogħol fuq iċ-ċentru tas-saħħa ġdid li se jkun hemm fir-Rabat Għawdex u jinsab fi stadju avvanzat ix-xogħol li qed isir fiċ-ċentru reġjonali kbir f’Raħal Ġdid li se jkun qed jilqa’ l-ewwel pazjenti lejn l-aħħar ta’ din is-sena stess.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li dan huwa parti minn proġett wiesa’ ta’ investiment fejn qed iwasslu s-servizz tas-saħħa fil-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna. Qal li l-ħsieb, anke wara din l-inizjattiva, huwa sempliċi ħafna illi kull min għandu bżonn il-kura primarja  għandu jinqeda fil-komunità tiegħu stess, kemm jista’ jkun qrib fejn il-persuna tkun qed tgħix. Żied jgħid li f’dan iċ-ċentru tas-saħħa, iċ-ċittadin se jkollu servizz iddedikat għalih u servizz aktar wiesa’ minn dak li qabel kien qed jiġi offrut.

Ekonomija

Sport