Tuesday, December 24, 2024

Jiġu evakwati 57 sportivi femminili oħra mill-Afganistan

Aqra wkoll

L-evakwazzjoni tat-tieni grupp ta’ 57 refuġjat mill-Afganistan marbuta mal-football tan-nisa u l-basketball, li jikkonsisti prinċipalment minn nisa u tfal, tlestiet wara n-negozjati, qal il-korp governattiv tal-football dinji, il-FIFA, il-bieraħ.

Kien hemm bosta evakwazzjonijiet minn meta t-Taliban ħatfu l-kontroll tal-kapitali tal-Afganistan, Kabul, fil-15 ta’ Awwissu, u ħabbru gvern ġdid ix-xahar li għadda wara li l-forzi barranin immexxija mill-Istati Uniti rtiraw u l-gvern appoġġjat mill-Punent wa­qa’.

Il-ġimgħa li għaddiet il-FIFA qalet li ħadmet mal-gvern tal-Qatar biex tevakwa kważi 100 player tal-football u l-familji tagħhom mill-Afganistan. Is-57 individwu fit-tieni grupp ittajru wkoll lejn il-Qatar fuq titjira charter. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-FIFA kienet għenet ukoll lill-korp taċ-ċikliżmu UCI fl-evakwazzjoni ta’ 165 refuġjat mill-Albanija.

“Nixtiequ nesprimu l-grazzi sinċieri tagħna kemm lill-Amir tal-Qatar … kif ukoll lill-Prim Ministru tal-Albanija … talli għenuna f’din il-missjoni umanitarja u għall-għajnuna kollha tagħhom biex dawn il-membri tal-kommunità tal-football jiġu rilokati b’mod sigur f’ċirkostanzi ta’ sfida,” qal il-President tal-FIFA, Gianni Infantino.

L-Awstralja evakwat aktar minn 50 atleta mara Afgana u d-dipendenti tagħhom wara lobbying minn figuri prominenti mid-dinja sportiva filwaqt li diversi players mill-iskwadra nazzjonali tal-football femminili taż-żgħażagħ tal-Afganistan ingħataw ażil fil- Portugall.

Ekonomija

Sport