Saturday, May 18, 2024

Kampjonat Premier: Hibernians v Valletta l-attrazzjoni prinċipali

Aqra wkoll

Ritratt: Dominic Borg

Bejn illum u għada, tintlagħab is-seba’ ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier fejn l-attenzjoni prin­ċipali tkun mixħuta fuq il-logħba bejn il-leaders Hi­bernians u Valletta.

Iċ-champions Hamrun Spartans għandhom partita delikata kontra Gudja Uni­ted fejn xejn għajr minn reb­ħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.

Birkirkara jittamaw minn żelqa Pawlista hekk kif fuq il-karta jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti kontra Sirens.

Hibernians v Valletta – Wara li mpressjonaw fir-rebħa ta’ 3-0 fuq Sliema Wanderers, Hibernians jif­faċ­ċjaw lil Valletta li ġejjin minn rebħa ta’ 3-1 fuq Sirens.

Bla dubju, dan il-konfront huwa test diffiċli għal Hibernians hekk kif qed jimmiraw li jkomplu jkabbru s-sensiela ta’ mingħajr telfa hekk kif mill-aħħar sitt logħbiet waqqgħu biss żewġ punti.

Filwaqt li l-Pawlisti għand­hom l-aqwa attakk, wie­ħed mill-aktar players li qed jispikka huwa Jake Grech … konsistenti, intel­liġenti u b’distribuzzjoni eċ­ċellenti.

Min-naħa l-oħra, Jurgen Degabriele stabbilixxa lilu bħala wieħed mill-aqwa attakkanti u skorer naturali. Fl-aħħar logħba huwa skorja doppjetta fejn saħansitra seta’ skorja aktar.

L-għan tal-Beltin huwa li jkomplu jibnu fuq l-aħħar rebħa fejn jittamaw li Mario Fontanella jkun fl-istess forma li biha skorja tripletta kontra l-Pawlini.

Iżda l-coach ta’ Hiber­nians, Stefano Sanderra, żgur li għandu pjan kif se jwaqqaf lill-attakkant Taljan.

Għal Valletta jirritornaw Joseph Zerafa u Ryan Ca­milleri minn sospensjoni filwaqt li d-difensur ta’ Hibernians, Ferdinando Apap, huwa sospiż.

Gudja U. v Hamrun S. – Iċ-champions renjanti Hamrun Spartans, li ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Gzira United, jiffaċċjaw lil Gudja United li wkoll sfaw megħ­luba, bl-iskor ta’ 2-0 minn Birkirkara b’doppjetta ta’ Leandro Aguirre. 

Il-pressjoni qed tiżdied fuq l-Ispartans u fuq il-coach tagħhom Mark Buttigieg wara li sofrew ir-raba’ telfa tagħhom f’sitt logħbiet  bil-konsegwenza li jinsabu 10 punti taħt il-leaders.

L-uniku punt pożittiv fil-logħba preċedenti għall- Ħamruniżi kien ir-ritorn tal-midfielder, Matthew Guillaumier, li kien ilu nieqes fl-azzjoni mill-bidu tal-istaġun minħabba li kien imweġġa’.

Fil-veritá ma kienx influwenti bħas-soltu u ftit li xejn ħalla impatt. Iżda jrid jingħata ċ-ċans biex jissetilja u jadatta.

Min-naħa l-oħra, Gudja m’għandhomx x’jitilfu u għaldaqstant m’huma se jkollhom l-ebda forma ta’ pressjoni.

Iżda se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiż Igor Dudarev.

Mosta v Floriana – Mosta, li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika, jiltagħu kontra Floriana.

Filwaqt li fl-aħħar partita l-Blues ġew imċaħħda mit- tliet punti proprju fil-ħin miżjud meta Dexter Xuereb kiseb id-draw ta’ 2-2 għal Sta Lucia, il-Greens kisbu rebħa importanti ta’ 2-1 fuq Balzan biex telgħu fit-tielet pożizzjoni.

L-uniku punt negattiv għal Floriana kien it-tkeċċija ta’ Kristian Keqi tard fl-ewwel taqsima meta ġie ordnat iħalli l-ground flim­kien mad-difensur ta’ Balzan, Augustine Loof, wa­ra li baqgħu jargumentaw ma’ xulxin wara li ntwe­rew l-ewwel karta safra.

Min-naħa tagħhom, Mosta jridu jgħollu l-logħba tagħhom biex jieħdu xi ħaġa minn din il-partita hekk kif rebħa tkun ossiġenu ġdid biex jinqalqgħu miż-żona l-ħamra.

Gzira U. v Balzan – Wara li għelbu lil Hamrun Spartans, Gzira United jiżlu b’moral kbir meta jiffaċċjaw lil Balzan li jinsabu fir-raba’ post mill-aħħar.

Iżda rebħa kontra l-Maroons ikun ifisser li jit­-  bieg­ħ­du mill-periklu tar- relegazzjoni. 

Min-naħa l-oħra, min­kejja li kienu mingħajr id- difensur influwenti, Steve Borg, il-Gżirjani xorta waħda rnex­xiel­hom iżommu clean sheet kontra Hamrun.

L-istess Borg jibqa’ barra mill-azzjoni minħabba li għadu qed jirkupra minn injury fil-groin.

Min-naħa ta’ Balzan, dawn se jkunu mingħajr is-sospiż Augustine Loof kif ukoll mingħajr il-coach, Mark Miller, li aktar kmieni din il-ġimgħa ħabbar ir-ri­żenja tiegħu.

Sta Lucia v Sliema W. – Din hija partita bejn l-uniċi żewġ timijiet li għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa f’dan l-istaġun.

Sliema Wanderers ġejjin mit-tielet telfa tagħhom meta sfaw megħluba minn Hibernians (3-0).

Kienet wirja diżappun­tanti oħra min-naħa tat-team immexxi mill-coach, Andrea Pisanu, b’logħob konfuż u mingħajr l-ebda kreattivitá. Saħansitra anke meta kienu qed igawdu minn superjoritá numerika, wara li tkeċċa Apap, il-Wanderers naqsu li juru xi forma ta’ deteminazzjoni tant li ma ppreżentaw l-ebda theddida serja.

Għall-kuntrarju, Sta Lucia ġew darbtejn minn wara kontra Mosta, u minkejja li lagħbu l-aħħar 18-il minuta  bi player inqas wara t- tkeċċija ta’ Jurgen Pisani, huma rnexxielhom itemmu fi draw ta’ 2-2.

Dan huwa konfront bilanċjat u miftuħ għal kull riżultat.

Sirens v Birkirkara – Birkirkara jilagħbu kontra Sirens fit-tentattiv biex iżommu l-pass mal-leaders Hibernians.

L-Istripes jidhru armati tajjeb biex ikomplu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu hekk kif l-indikazzjonijiet huma li se tkun battalja bejn żewġ timijiet.

Huma ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 fuq Gudja United u għaldaqstant il-moral tagħ­hom baqa’ għoli biex kontra t-team minn San Pawl il-Baħar, l-Istripes jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti.

Peró huma jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom li jkunu jridu jpattu għad-diżappunt tat- telfa kontra Valletta bl-iskor ta’ 3-1.

Iżda, meta kienu fi żvantaġġ ta’ 1-0, huma fallew ċans tad-deheb li jiksbu d-draw meta Kemar Reid falla mill-11-il metru.

Birkirkara se jkunu mingħajr is-sospiż Ryan Scicluna wara li tkeċċa kontra Gudja United.

Sport