Saturday, May 4, 2024

Mohamed Salah irid jibqa’ ma’ Liverpool

Aqra wkoll

Mohamed Salah sostna li jrid jibqa‘ ma’ Liverpool għall-bqija tal-karriera tiegħu iżda l-attakkant internazzjonali Eġizzjan insista li l-eżitu tan-negozjati kuntrattwali tiegħu mal-klabb “ma jiddependix minni”.

Il-ftehim attwali tal-plejer ta’ 29 sena f’Anfield jiskadi fis-sajf tal-2023 u Liverpool huma anżjużi li jiffinalizzaw in-negozjati dwar kuntratt ġdid fit-tul.

“Ma jiddependix minni, imma jekk niġi mistoqsi,  nixtieq nibqa’ sal-aħħar ġurnata tal-karriera tiegħi f’Anfield,” qal Salah.

“Imma ma nistax ngħid ħafna dwar dan, mhux minni jiddependi  … iżda  jiddependi minn dak li jrid il-klabb.”

“Bħalissa, ma nistax nara lili nnifsi xi darba nilgħab kontra Liverpool.

“Huwa diffiċli. Ma rridx nitkellem dwar dan. Ejjew naraw x’se jiġri fil-futur.”

Salah kien f’forma brillanti għat-tim ta’ Jurgen Klopp dan l-istaġun, fejn skorja l-11 u t-12-il gowl tiegħu fi 11-il dehra fil-kompetizzjonijiet kollha fir-rebħa taċ-Champions League ta’ nofs il-ġimgħa kontra Atletico Madrid.

L-internazzjonali Eġizzjan sar l-aktar plejer veloċi li skorja 100 goal għal Liverpool f’Settembru u huwa l-ħames l-iktar veloċi li skorja 100 goal tal-Premier League – 162 partita.

Huwa skorja fl-aħħar disa’ logħbiet u l-goals straordinarji li skorja kontra Manchester City u Watford huma meqjusa bħala kontendenti bikrija għall-goal tal-istaġun.

Sport