Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri ħatar lill-Kurunell Clinton O’Neill bħala l-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-Kurunell Edric Zahra bħala d-Deputat Kmandant.
Il-Ministru Camilleri awgura lil Kmandant u d-Deputat Kmandant il-ġodda għall-ħatra tagħhom, filwaqt li rringrazzja lil Brigadier Jeffrey Curmi tal-ħidma li wettaq fil-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar snin.
Bijografija tal-Kurnell Clinton O’Neill
Il-Kurunell Clinton O’Neill issieħeb mal-Forzi Armati ta’ Malta fl-1992 u ġie kkummisjonat bħala Uffiċċjal fil-Grad ta’ Second Lieutenant fl-1994. Qabel dan il-perjodu, huwa serva għal sentejn mal-Air Traffic Services u mal-Air Squadron bħala Sergeant Pilot. Il-Kurunell O’Neill gradwat bl-Unuri b’Baċċelerat fl-Information Technology (IT), kif ukoll fil-Liġi Internazzjonali Marittima.
Bejn l-1995 u 1997 il-Kurunell O’Neill attenda żewġ skejjel tat-taħriġ fl-Infanterija, fl-Italja kif ukoll ġewwa l-Istati Uniti. Fl-1999, huwa temm b’suċċess ‘Basic Staff Training Course’ ġewwa l-Ingilterra. Bħala bdot ikkwalifikat fuq l-ajruplani, huwa attenda diversi korsijiet kemm ċivili kif ukoll militari, fejn dawn il-korsijiet wassluh sabiex ikun ikkwalifikat li jista’ itajjar kull opra tal-ajru tal-Forzi Armati ta’ Malta. Fl-2000 u l-2010 attenda korsijiet u kiseb kwalifiċi speċjaliżżati fit-teorija tal-ippjanar u l-koordinazzjoni fis-settur tat-Tfittxija u Salvataġġ Marittimu mal-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti. Barra minn hekk, il-Kurunell O’Neill attenda wkoll il-Combined Strategic Intelligence Training Programme (CSITP) li sar mid-Defence Intelligence Agency ġewwa Washington, fl-Istati Uniti. Fl-2010, huwa ġie ppreżentat bil-midalja tal-Long and Efficient Service wara tmintax il-sena servizz fil-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll clasp tal-istess midalja fl-2017. F’Jum ir-Repubblika tal-2013, il-Kurunell O’Neill irċieva l-‘Midalja għall-Qadi tar-Repubblika’ (MQR) f’isem il-membri kollha tat-taqsima tal-Air Wing.
Matul il-karriera militari tiegħu, il-Kurunell O’Neill serva b’mod Operattiv bħala pilota ġewwa l-Unit tal-Air Wing, kif ukoll b’mod Amministrattiv bħala Staff Officer fil-Branka tal-Operazzjonijiet ġewwa l-Kwartieri Ġenerali f’Ħal Luqa. Huwa serva b’mod Operattiv fi tliet okkażjonijiet barra minn xtutna bħala parti minn Mobile Training Team ġewwa s-Senegal, l-Iżrael u l-Libja. Ġie stazzjonat ukoll ġewwa Lampedusa u Sqallija sabiex iservi fil-Joint Operation Nettuno bħala Liason Officer. Sussegwentament, kien appuntat bħala Uffiċjal Kmandant tal-Iskwadra tal-Operazzjonijiet, Deputat Kap Kmandant kif ukoll Kap Kmandant ġewwa l-Unit tal-Air Wing. Dan wassal sabiex fl-2016 huwa ġie promoss għall-grad ta’ Kurunell u ġie appuntat bħala Kurunell tal-Operations, Plans and Intelligence Branch tal-Forzi Armati ta’ Malta. Il-Kurunell O’Neill ikkontribwixxa wkoll fl-immodernizzar tal-flotta tal-ajru tal-Forzi Armati ta’ Malta u fi proġetti oħrajn ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam marittimu.
Il-Kurunell O’Neill huwa wkoll lettur fil-Maritime Safety and Security Training Centre (MSSTC), fejn jgħallem persuni militari, kemm Maltin kif ukoll barranin, il-proċess tat-Tfittxija u s-Salvataġġ u l-Liġi Marittima fil-kuntest Operattiv. Fuq skala internazzjonali, il-Kurunell O’Neill jagħmel parti mill-Aġenzija tal-FRONTEX (European and Border Coast Guard), u jservi wkoll bħala membru f’diversi forums tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-International Maritime Organisation (IMO).
Il-Kurunell O’Neill ilu jservi mal-Forzi Armati ta’ Malta għal dawn l-aħħar tletin sena. Fl-2022, huwa ġie appuntat bħala Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta flimkien mal-kariga li diġa qiegħed preżentament jokkupa ta’ Kurunell Operations, Plans and Intelligence Branch fil-kwartieri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Bijografija tal-Kurunell Edric Zahra
Il-Kurunell Edric Zahra twieled f’Ħ’Attard fil-15 ta’ Marzu 1978. Huwa attenda l-iskola ta’ San Alwiġi, Birkirkara, fejn wara kompla bl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta fejn gradwa b’ Diploma fl-iSports, Baċellerat fil-Ġeografija u l-Antropoliġija, kif ukoll Masters fl-Istudju tal-Malti. Huwa gradwa wkoll mill- Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima b’Advanced Diploma fil-Liġi Marittima u mill-Kulleġġ Navali Amerikan b’Diploma fl-iStrategy and War, Theatre Security Decision Making, u fil-Joint Maritime Operations.
Il-Kurunell Edric Zahra ġie ingaġġat fil-Forzi Armati fl-1999, u wara taħriġ bażiku ġewwa Malta, attenda l-Kors l-Allievi Ufficiali di Complemento fl-iScuola di Comunicazzioni, Cecchiniola, fl-Italja. Bħala logutenent, Zahra attenda kors ta’ formazzjoni ġewwa The Basic School (TBS), US Marine Corps, Virginia, l-Amerika, u wara beda jitħarreġ bħala infantier billi attenda l-US Marine Corps Infantry Officer Course (IOC) fl-istess skola. Hemmhekk Zahra klassifika mal-aħjar għaxar studenti fost il-kandidati kollha tal-Kors.
Matul il-karriera tiegħu, il-Kurunell Zahra attenda għal taħriġ f’diversi akkademji barra minn xtutna fosthom fix-Ship Boarding Techniques fil-US Law Enforcement Academy, South Carolina, l-Amerika, fil-US Department of Defense, Garmisch-Partenkirchen, fil-Ġermanja, u fin-NATO Maritime Interdiction Operational Training Centre, Suda Bay, l-Greċja. It-taħriġ speċjalizzat kien jinkludi l-Peace keeping, it-Terroriżmu u l-istudju fuq is-Sigurtà, kif ukoll l-Infurzar Marittimu. Matul il-karriera tiegħu, Zahra attenda wkoll diversi korsijiet ma’ qawwiet speċjalizzati fl-Italja, l-Iżvizzera, fil-Ġermanja u l-Ġreċja.
Fi kważi tlieta u għoxrin sena servizz fil-Forzi Armati ta’ Malta, il-Kurunell Edric Zahra okkupa pożizzjonijiet kemm operattivi kif ukoll amministrattivi f’Malta u saħanistra barra minn Malta. Fosthom insemmu l-kariga ta’ Assistant Adjutant għall-Kmandant tal-Ewwel Reġiment, Platoon Commander ġewwa C-Company fi ħdan l-Ewwel Reġiment, Uffiċjal inkarigat mir-Rapid Deployment Team, u l-laneċ tas-Search and Rescue, Uffiċjal Eżekuttiv (second-in-command) tal-Lanċa P61 fil-Maritime Squadron, Uffiċjal Kmandant tal-B Company tal- Ewwel Reġiment, Staff Officer responsabbli mis-Civil Military Cooperation tal-FAM, u f’dawn l-aħħar ħames snin serva bħala Kmandant tal-Ewwel Reġiment.
Il-Kurunell Edric Zahra kien ukoll wieħed mil-letturi fil-Maritime Safety and Security Training Centre tal-FAM, kif ukoll serva bħala Chairperson ta’ diversi Bordijiet li jinkludu ix-xiri ta’ apparat militari fost oħrajn. Zahra ngħata wkoll il-midalja tas-servizz twil u effiċjenti.