Wednesday, April 24, 2024

Kumpens ta’ €162,000 lill-ġenituri tal-Ispiżjara li ttajret fil-Gżira

Il-Qorti taqsam it-tort bejn is-sewwieq u l-vittma

Aqra wkoll

F’kawża tad-danni l-Qorti tat kumpens  ta’ €162,000 lill-ġenituri ta’ Stephanie Rapa, l-ispiżjara li f’Ottubru tal-2017 tilfet ħajjitha traġikament wara li qasmet it-triq ttajret minn karozza fix-Xatt tal-Gżira. Il-ġenituri ta’ Rapa fetħu kawża għad-danni kontra s-sewwieq, Anthony Chircop ta’ 45 sena, fejn allegaw li binthom inqatlet bi traskuraġni u minħabba nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti tat-traffiku.

Il-Qorti qieset għadd ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà fit-triq li qabdu l-inċident, fejn Rapa tidher togħla fl-arja mad-daqqa u tinżel b’saħħa wara l-karozza, li laħqet għaddiet minn taħtha.

Il-Pulizija xehdet li l-filmati juru li l-inċident ma seħħx skont kif qalilhom Chircop, li allega li kien qed isuq b’madwar 50km fis-siegħa u li l-vittma qasmitlu minn bejn is-siġar.

L-espert imqabbad mill-Qorti spjega li l-mod kif il-vittma ħabtet man-naħa ta’ fuq tal-windscreen jindika li l-karozza kienet qiegħda tinstaq b’iktar minn 100km fis-siegħa u li skont il-marki li saru mal-art ma kienux tal-brejk iżda marki li jagħmlu t-tyres meta karozza sportiva tibda tgħaqqadhom. Qal li dan ifisser li fil-ħin tal-inċident is-sewwieq kien qed iżid il-veloċità u mhux inaqqasha.

Fil-proċeduri xehed ukoll espert psikjatriku, li qal li l-ġenituri tal-vittma t-tnejn qed ibatu minn dipressjoni persistenti u jaqgħu taħt il-kategorija ta’ nervożi trawmatika kawża tal-mewt traġika ta’ binthom.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri, iddikjarat li t-tort għall-inċident traġiku għandu jinqasam nofs bin-nofs bejn is-sewwieq u l-vittma. Meta kienet qed tistma d-danni, il-Qorti skartat il-ħsara psikoloġika tal-ġenituri ta’ Rapa, għax qalet li dawn fetħu l-kawża bħala werrieta ta’ binthom u mhux fil-kapaċità personali tagħhom. Fis-sentenza tagħha l-Qorti naqqset ukoll 50% tad-danni minħabba li m’hemmx provi li dawn kienu jiddependu fuqha għall-għixien tagħhom.

Sport