“Faċli toħroġ b’verżjonijiet dwar dak li qiegħed jipprova jsir dwar ir-regolamentazzjoni tat-temping agencies. Dawk li qegħdin ipappuha tajjeb u ma jridux li ssir ir-riforma u dawk bħali li jbatu indirettament mill-konsegwenzi ta’ sitwazzjoni free for all”. Iddikjara dan ma’ Talk.mt Ġanni (isem fittizju li qiegħed jintuża għal raġuni ta’ anonimità) filwaqt li beda biex jaqsam magħna esperjenza riċenti ta’ kif residenza li għandu f’Għawdex spiċċat “qisha uffiċċju tal-maltapost” b’kontijiet indirizzati għal numru ta’ persuni barranin fl-istess perjodu.
Ġanni kompla biex jgħidilna kif fl-aħħar xhur spiċċa bil-kaxxa tal-ittri ta’ residenza sekondarja li għandu fil-gżira Għawdxija mimlija b’kontijiet tal-istess kumpanija tat-telefonija Maltija. Mistoqsi rigward il-possibbiltà li dawn il-kontijiet kienu ġustifikati minħabba kiri tal-istess residenza, Ġanni qalilna li hu qatt ma kera din ir-residenza u li hu kien iħalliha battala biex kumdità tiegħu jmur hemmhekk b’mod rikreattiv mal-familja tiegħu.
“Faċli ssib min jgħidlek uija mhux ħaġa kbira mhux l-aqwa li mhux fuq ismek? Jew rappreżentati tal-kumpanija li jgħidulek li m’għandekx għalxiex tinkwieta. Imma bil-kontra t’hekk jien ma waqajtx għal din li setgħet kienet nasba”, kompla biex jgħidilna Ġanni filwaqt li qalilna li ma setax ma jmurx jieħu parir legali. Hawnhekk huwa rrimarka li ovjament kulħadd jitħallas ta’ xogħlu u intortament spiċċa weħel spejjeż bla bżonn biex jinħarġu notifiċi mill-avukat tal-fiduċja tiegħu. Minn hemm huwa mexxa biex jagħmel rapport l-għassa fejn hu kien qiegħed jidisassoċja ruħu minn dawn il-kontijiet u staqsa għal parir dwar kif seta’ jkollu l-aħjar konferma li hu ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dan li kien qiegħed jiġri. Il-pulizija minn naħa tagħhom ikkonfermaw li Ġanni kien għamel l-aħjar ħaġa li ħa parir legali ta’ kif kellu jipproċedi u talbuh biex jikkonferma b’ittra uffiċjali ma’ Identity Malta dwar il-fatt li hu kien l-uniku persuna rikonoxxut minnha bħala resident tar-residenza indikata fuq il-kontijiet rispettivi.
Dan is-sit għandu f’idejh id-dokumentazzjoni kollha inklużi l-kontijiet indirizzati lil persuni varji fl-istess perjodu ta’ żmien kif ukoll il-konferma minn Identity Malta li r-raġel li tkellem magħna huwa l-uniku persuna reġistrat.
Dan is-sit bagħat jitlob għar-reazzjoni tal-kumpanija Melita rigward dan il-każ fejn iċċaraw li bħala kumpanija huma mill-ewwel kellmu lis-sid biex jitolbu apoloġija għall-inkonvenjenza u ħela ta’ ħin li seta’ kien hemm biex ittieħdu passi prekawzjonali minnu, anke jekk għal xi raġuni s-sid ma kellux ir-rispons li stenna meta kkuntattja l-customer care inizjalment. Minn naħa tagħha Melita żiedet tgħid li kompliet biex ikkuntattjat lill-klijenti li għaddejnilhom il-kontijiet tagħhom u ġew aġġornati d-dettalji tal-indirizzi tagħhom. Barra minn hekk Melita żiedet li minħabba diversi kirjiet, anke dawk fejn ikollok persuni li jaqsmu l-istess residenza, din mhix l-ewwel darba li l-kumpanija kellha klijenti reġistrati fuq l-istess indirizz. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas il-kumpanija temmet li jeżistu eżempji oħrajn ta’ klijenti li jagħżlu li jirċievu l-kontijiet tagħhom fuq indirizz differenti minn dak imniżżel fuq il-karta tal-identità bħalma huma wlied li jagħżlu li jħallsu l-kontijiet tal-ġenituri tagħhom, dawk li għandhom iktar minn residenza waħda u dawk li jkunu għadhom kemm biddlu r-residenza u jkunu għadhom ma’ aġġornawx id-dokumenti uffiċjali, fost sitwazzjonijiet oħra.