Friday, November 22, 2024

Jilqgħu l-aħbar li l-art tal-AUM fil-Kottonera se tingħata lura lin-nies

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali ta’ Bormla laqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela rigward l-art li kienet ġiet mogħtija lill-Università Amerikana ta’ Malta fi Triq il-Karmnu, liema art kien hemm il-ħsieb li tiġi żviluppata f’dormitorju.

Fi stqarrija, il-Kunsill qal li ħassew il-polz tar-resiidenti u kienu fuq quddiem nett biex joġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp. Ġie nnotat kif saħansitra s-Sindku Alison Zerafa Civelli kienet oġġezzjonat għall-permess, meta lura fl-2020 kienet inħatret fil-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Kunsill qal li bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru u l-konferma li l-art kienet ġiet illiberata u kienet se tingħata lura lill-poplu, jemmen li pprevaliet r-rieda tal-maġġoranza u dak li kien ta’ Bormla reġa’ ingħata lura lir-residenti.

Fl-istess waqt, il-Kunsill ta’ Bormla rrikonoxxa li x-xogħol li sar fuq il-proġett tal-Università Amerikana sal-lum serva biex għolla u sebbaħ il-livell taż-żona, b’mod partikolari bir-restawr fuq Baċir Numru Wieħed.

Il-Kunsill temm jgħid li l-pass li jmiss huwa li flimkien mal-Gvern Ċentrali jitnieda proċess ta’ diskussjonijiet biex iż-żona tiġi riġenerata u tkun tista’ titgawdda mir-residenti u dawk li jżuru l-lokalità bl-aħja mod possibbli.

Sport