Friday, May 3, 2024

“Jekk nibagħtu lit-tifel fi skola oħra jerbħu dawk li bbuljawh”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Omm tifel bl-awtiżmu ssostni li din hija ġlieda f’isem dawk it-tfal kollha li qegħdin ibatu fis-silenzju

F’dawn l-aħħar jiem sirna nafu b’każijiet ta’ bullying fuq tfal u adoloxxenti taħt it-18-il sena. Saħansitra kien hemm anke filmati fuq il-mezzi soċjali li wrew tifla tiġi attakkata minn grupp ta’ studenti ftit ‘il bogħod mill-iskola li kienu qed jattendu. Fortunatament kemm il-pulizija kif ukoll il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħadu azzjoni f’waqtha f’dan ir-rigward. Każ ieħor kien dak ta’ omm li allegat li binha mhuwiex jattendi l-iskola minħabba tfal oħra li bdew jagħmlulu ħajtu diffiċli minħabba li jbati bl-awtiżmu. L-omm tirrikonoxxi l-ħidma tal-istituzzjoni edukattiva fil-bidu tas-sena hekk kif binha deher motivat għal din is-sena skolastika fis-sekondarja anke bl-assistenza ta’ LSE li kienet ta’ għajnuna kbira għalih.

Minkejja dan hija tkompli li f’perjodu riċenti huwa beda jilmenta minn uġigħ ta’ ras b’mod frekwenti u li dan ħassibhom bħala ġenituri. Kemm l-omm, kif ukoll il-missier pruvaw ikellmuh, iżda binhom huwa riżervat u b’hekk kellhom jitkellmu mal-amministrazzjoni tal-iskola biex saru konxji ta’ x’kien qiegħed jiġri.

L-omm kompliet tispjega li kienu ngħataw il-kelma li s-sitwazzjoni kienet se tiġi mħasra mill-qrib, iżda l-każ ma waqafx hawn skontha. Hija tgħid ukoll li fl-aħħar jiem binha rċieva messaġġ li verament iweġġa’ fuq teams; programm li jintuża biex fost l-oħrajn isir it-tagħlim online, u minnufih irrapurtat lill-Pulizija. Dawn min-naħa tagħhom kellmu lil dawk involuti, iżda l-omm qiegħda titlob li ż-żewġ studenti li qegħdin iġibu ruħhom b’dan il-mod fil-konfront ta’ binhom jintbagħtu skola oħra u jingħataw għajnuna biex ma jirrepetux l-istess imġiba ma’ tfal oħra. Madankollu hija żiedet tilmenta li dan ma setax isir u li jista’ jiġri huwa li ż-żewġ studenti li qed jibbuljaw lil binha jiġu mitkellma ħalli jsiru konxji tal-aġir tagħhom.

Dan is-sit tkellem mal-omm Kelly Paterson Mangion li qalitilna li hija qiegħda tippersisti li għandha tittieħed azzjoni għax jekk bħala ġenituri jagħżlu li jaqilgħu t-tifel mill-iskola u jibagħtuh fi skola oħra dan ikun ifisser li l-bullies ikunu rebħu. Barra minn hekk hija sostniet li l-argument tagħha huwa li jekk stess jiġri dan, il-probbabiltà hija li dawn iż-żewġt itfal li qegħdin jibbuljaw lil binha se jduru fuq tfal oħra u jgħaddu mill-istess esperjenza.

“Jien ma rridx li t-tifel tiegħi jagħmel erba’ snin oħra u jkollu jaffaċċja dan kollu ta’ kuljum. Ibni m’għandux ħażen u qalbu tajba ma’ kulħadd. Jekk jien nerġa’ nibagħtu fi skola oħra jkunu rebħu dawk li weġġgħuh u jirraġunaw li jekk ma jkollhomx grazzja ma xi ħaddieħor, jattakkawh għax issa jitlaq hu wkoll”, kompliet tispjega magħna l-omm.

Fuq nota pożittiva l-omm spjegat li minkejja li għalissa binha mhuwiex jattendi b’mod fiżiku fl-iskola, binha sab sostenn kbir minn edukaturi li lanqas biss kienu jafuhom li se jkunu qegħdin jagħtuh lezzjonijiet online. Hi assigurat li bħala ġenituri mhumiex se jħallu dan il-każ iwaqqaf l-edukazzjoni ta’ binhom. 

Sport