Thursday, April 25, 2024

IL-FJUWIL TAL-AJRUPLANI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Fil-pjani Ewropej biex jitrażżan it-tisħin tal-klima, naturalment hemm emfażi fuq li l-konsum ta’ prodotti li jiġġenera dat-tisħin jitnaqqas kemm jista’ jkun. Mekkaniżmu biex dan l-għan jitwettaq, speċjalment fil-qasam tal-enerġija, hu li fuq prodotti hekk, jiżdiedu t-taxxi ħalli jew jiġu kkunsmati anqas, u/jew jinstabu alternattivi għalihom. 

Fuq quddiem nett, l-avjazzjoni. It-titjiriet li jsiru jinvolvu l-ħruq ta’ pitrolji u karburanti oħra li huma ta’ detriment kbir għall-klima. Għalhekk, qed jiġi propost li jiżdiedu gradwalment it-taxxi fuq il-pitrolji li jintużaw. Imma li hemm stramb fil-proposta hu li dawn it-taxxi se japplikaw biss għal titjiriet li jdumu sa tlieta/erba’ sigħat. Għal vjaġġi itwal, minn kontinent sa kontinent, ma jkunx hemm żieda fit-taxxi. 

Issa, jintqal li huma l-pitrolji li jintużaw għal titjiriet tat-tul li l-aktar jagħmlu dannu lill-ambjent. Għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni allura? Uffiċjalment smajna li hemm ftehimiet internazzjonali tal-avjazzjoni biex it-titjiret tat-tul ma jiġux intaxxati fuq il-fjuwil tagħhom. Oħrajn jgħidu li d-deċiżjoni hi maħsuba biex tagħti vantaġġ lill-kumpaniji Ewropej il-kbar tal-ajru, bħal Air France, KLM u Lufthansa.

***

IMMIGRAZZJONI

L-immigrazzjoni baqgħet suġġett li dwaru m’hemmx qbil bejn il-pajjiżi Ewropej. Se tkompli toħloq diżgwid bejn ċittadini, komunitajiet u gvernijiet. Problema hi li kull min għandu xi interess f’dal-qasam x’aktarx li jispiċċa j/tara kollox fl-iswed u fl-abjad. 

Mentri jeżistu ħafna sfumaturi bejn iż-żewġ estremi li m’għandhomx jitħallew fil-ġenb. 

Dawk li jisħqu favur li għandhom jinfetħu l-bibien beraħ għall-wasla tal-immigranti ma jagħtu l-ebda kas tad-diżgwid soċjali u ekonomiku li jista’ jqum. Dawk li jridu joħolqu fortizza Ewropa akkost ta’ kollox, ftit jimportahom mill-impatt faxxistiku li dan iġib miegħu.

***

VALLETTA

Il-pandemija ħarbtet l-iżvilupp tal-belt Valletta li fl-aħħar snin għamlet passi ta’ ġgant ’il quddiem. Fejn għal snin twal il-belt kienet donnha qed titlef min-nies u min-negozji, f’daqqa – forsi din mhix kelma tajba – reġgħet ħadet rankatura. Saret lok turistiku frekwentat bil-kbir, b’investimenti ġodda f’azjendi tal-merċa, residenzi, restoranti u swieq. Numru ta’ lukandi fi stil boutique faqqsu fiċ-ċentru – u komplew joħolqu ambjent movimentat u ħaj.

Veru li qamet kritika pjuttost valida dwar kif il-belt spiċċat qisha lok tal-borgiżi: il-kelma Ingliża għal dan, hi gentrification. Imma ma nara xejn wisq ħażin f’dan il-proċess, sakemm jinżamm għall-Belt biss. 

Ukoll nisimgħu kif għad hemm inħawi ta’ Valletta li għadhom mitluqa sew. Veru wkoll. Imma wieħed irid jibda minn x’imkien. 

L-emfażi issa għandu jkun biex mal-irtirar tal-imxija, l-isforzi li bihom il-belt Valletta kienet qed tiġġedded jerġgħu jieħdu saħħithom kollha.

Sport