Il-coach tat-Tim Nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 Sena, Davide Mazzotta, enfasizza l-importanza tal-esponiment internazzjonali, filwaqt li sostna li logħbiet ta’ ħbiberija bħal dik tal-Ħamis kontra l-Moldova jistgħu jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp fit-tul tal-players.
It-tim Malti ta’ Taħt il-21 Sena jiltaqa’ kontra l-Moldova nhar il-Ħamis, 4 ta’ Ġunju, fil-Municipality Stadium f’Orhei. Il-logħba tibda fis-6.00 pm u se tixxandar dirett fuq TVMSport+.
Mazzotta għażel skwadra ta’ 22 plejer għal din il-partita, li tinkludi diversi uċuh ġodda, filwaqt li numru ta’ players mhumiex disponibbli minħabba injuries.
Meta tkellem qabel il-logħba, Mazzotta esprima fiduċja fil-players li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, filwaqt li rrimarka li din il-partita toffri wkoll opportunità lill-istaff tekniku biex jevalwa diversi membri tal-iskwadra.
“Peress li din hija logħba ta’ ħbiberija, tagħtini l-opportunità flimkien mat-team tiegħi biex nosservaw xi talenti żgħażagħ li ddistingwew ruħhom mat-timijiet tagħhom u li nqisu li jaqblu mal-filosofija tagħna,” qal Mazzotta.
“Logħbiet ta’ dan it-tip huma fundamentali għall-iżvilupp tal-players u wkoll biex l-istaff jifhem aħjar lit-team u l-potenzjal ta’ kull player,” huwa żied jgħid.
Huwa reġa’ tenna li t-team għandu bżonn jilgħab kemm jista’ jkun logħbiet internazzjonali, peress li dawn jippermettulu jikkompeti kontra avversarji ta’ livell għoli.
“Din il-logħba hija importanti daqs il-logħbiet kollha li lgħabna qabel u nittrattawha bl-istess serjetà u importanza ta’ partita kompetittiva. Għalkemm għadu kmieni biex nistgħu nivvalutaw b’mod sħiħ l-impatt li dan jista’ jkollu fuq il-logħbiet kompetittivi tagħna f’Settembru, speċjalment peress li mhux se nkunu qed nitħarrġu flimkien matul is-sajf, jiena fiduċjuż li din l-esperjenza se toffri opportunitajiet ta’ żvilupp importanti,” huwa sostna.
Mazzotta żied jgħid li flimkien mal-istaff tekniku, it-team se jagħmel kull sforz biex jimmassimizza l-benefiċċji miksuba minn dawn il-logħbiet u jiżgura li dawn iwasslu għal prestazzjonijiet aħjar meta l-iskwadra terġa’ tissejjaħ.
“F’dan il-perjodu ħdimna ħafna fuq il-prinċipji fundamentali tal-logħba, probabbilment aktar minn qatt qabel, bit-tama li dawn isiru parti integrali mill-mentalità u l-istil tal-players,” huwa stqarr.
“Dawn il-logħbiet internazzjonali ta’ ħbiberija għandhom il-potenzjal li jagħtu kontribut sinifikanti għall-iżvilupp fit-tul tat-team, partikolarment jekk l-esponiment għal dan il-livell ta’ kompetizzjoni jibqa’ regolari u konsistenti. Il-parteċipazzjoni kontinwa f’logħbiet internazzjonali se tgħin biex jitħaffef l-iżvilupp tal-players,” temm jgħid Mazzotta.
Huwa stqarr li l-injuries u l-ħin limitat disponibbli mal-players jistgħu jaffettwaw il-progress tat-team, iżda enfasizza li l-appoġġ kontinwu tal-Malta FA u tal-clubs jibqa’ imprezzabbli.


