Saturday, May 4, 2024

Il-mewta traġika ta’ “fjura tal-ġenna” u l-imħabba reċiproka lejn l-annimali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Khaled Aourram, missier Rayan Aourram, it-tfajjel Marokkin ta’ ħames snin li miet il-ġimgħa l-oħra wara erbat ijiem maqbud’ f’bir, stqarr li l-mewta ta’ ibnu kienet waħda sfortunata ħafna. Jekk huwiex destin jew ironija, l-isem Rayan għandu oriġini mill-lingwa Għarbija li jfisser “mogħti l-ilma” u “fjura tal-ġenna”. Fit-tradizzjoni Iżlamika dan l-isem għandu t-tifsira li huma dawk li jsumu fit-tul li jergħu jqumu mill-mewt u jieħdu s-salvazzjoni divina. In-nies tal-post li kienu jafu lil Rayan iddeskrivew bħala ruħ ta’ qalb tajba u li kien ħabib ma’ kulħadd. Dan mhux biss lejn il-bniedem, iżda anke kellu mħabba kbira lejn l-annimali, b’mod partikolari lejn il-klieb.

Din l-imħabba li Rayan kellu għall-annimali, minn mindu miet u ndifen, qiegħda tkun reċiprokata minn kelb partikolari ta’ kulur iswed fejn huwa rrapportat li qiegħed jirrifjuta li jiċċaqlaq minn fejn il-qabar ta’ dan iċ-ċkejken. Skont rapporti fil-midja Għarbija jingħad li dan il-kelb kien wieħed mill-annimali li Rayan kien jieħu ħsieb b’tant dedikazzjoni.

Rayan kien magħruf man-nies tal-post għall-imħabba kbira lejn l-annimali u kkonfermaw li kien jieħu ħsieb lil dan il-kelb iswed. Persuna li kienet preżenti fil-funeral tat-tifel qalet li dan il-kelb beda jdur fost il-persuni preżenti fil-funeral. “Kienet xi ħaġa inkredibbli, xempju ta’ lealtà kbira u unika. Il-lealtà tal-kelb għal Rayan rebħet kull ostaklu għax baqa’  ħdejn il-qabar mingħajr ma ċċaqlaq. Din kienet sitwazzjoni emozzjonali ħafna,” temmet tgħid l-istess persuna. 

Dwar dan, inġibed filmat u ttella’ fuq il-midja soċjali fejn wera kif fil-fatt, dan il-kelb iswed jinsab ħdejn il-qabar ta’ Rayan.

“Kienet xi ħaġa inkredibbli, xempju ta’ lealtà kbira u unika. Il-lealtà tal-kelb għal Rayan rebħet kull ostaklu għax baqa’  ħdejn il-qabar mingħajr ma ċċaqlaq. Din kienet sitwazzjoni emozzjonali ħafna.”

Inċident li sewa ħajja ta’ tifel ta’ ħames snin…

Il-missier stqarr li dakinhar tal-inċident – it-Tlieta 1 ta’ Frar – kien qiegħed isewwi l-bir u ma qalax għajnejh minn fuq ibnu. Kien proprju f’dawk il-ftit sekondi li dawwar ħarstu ’l bogħod mill-bir, li seħħ l-inċident traġiku. F’intervista oħra li din id-darba saret ma’ omm Rayan, Wassima Khersheesh spjegat kif binha kien qiegħed jilgħab viċin il-bir meta f’daqqa waħda għeb. Malli rrealizzat x’seħħ lil Rayan, hija minnufih ikkuntattjat lill-awtoritajiet għall-assistenza. 

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Marokkin beda l-operazzjoni tas-salvataġġ filgħaxija stess f’Tamarot, madwar 100 kilometru ’l bogħod mill-belt ta’ Chefchaouen. Jumejn wara, permezz ta’ filmat, kien ikkonfermat li t-tifel kien għadu ħaj u jinsab f’sensih. 

Skont rapporti mill-BBC jirriżulta li  r-raġuni li wasslet għad-dewmien tas-salvataġġ tal-mibki Rayan, li ttella’ mill-bir proprju erbat ijiem wara li seħħ l-inċident, kienet minħabba li x-xaft li jagħti għall-bir kien dejjaq wisq u kien hemm il-periklu ta’ ċaqliq fl-art u li jindarbu l-membri tas-salvataġġ u/jew saħansitra jintradam it-tifel. Kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li l-ewwel kellhom jinġiebu inġenji apposta biex iqattgħu trinka ma’ ġenb il-bir.

Sogħba li nħasset madwar id-dinja

L-aħbar tal-mewt ta’ Rayan qasmet il-qlub ta’ bosta individwi. Dan wassal biex fuq il-midja soċjali għadd ta’ persuni esprimew sogħba fosthom il-player tat-tim ta’ AC Milan, Ismael Bennacer. Permezz ta’ paġna mtella’ apposta fuq Twitter Bennacer kiteb li, “il-kuraġġ ta’ Rayan se tibqa’ fil-memorji tagħna u se jibqa’ ta’ ispirazzjoni għalina kollha”. 

Numru ta’ mexxejja minn madwar id-dinja ma naqsux milli jagħtu l-għomor lill-qraba permezz ta’ telefonati u pjattaformi fuq il-midja soċjali. Fosthom kien hemm ir-Re Mohammed VI tal-Marokk, il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru ta’ Israel Naftali Bennett u l-mexxej ta’ Dubai, Mohammed bin Rashid. 

Barra minnhekk, ma naqasx li folla kbira ta’ nies inġabret fit-Tramuntana tal-provinċja ta’ Chefchaouen fil-Marokk ħalli tingħata l-aħħar tislima liċ-ċkejken Rayan fil-jum tal-funeral li sarlu.

Sport