Friday, May 17, 2024

Twieldu 252 tarbija bl-IVF minn meta beda jiġi offrut is-servizz f’Mater Dei

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Jitħabbru d-dettalji dwar ir-rifużjoni għall-mediċina tal-IVF

Mill-2014, kemm ilu jiġi offrut is-servizz tal-IVF ġewwa Mater Dei, kien hemm 252 tarbija li twieldet grazzi għall-IVF.  Dan fl-isfond tal-fatt li bħalissa hemm 24 mara li qed tistenna tarbija grazzi għall-proċess tal-IVF li sar f’dawn l-aħħar xhur u qed jistennew li b’kollox minn dawn jitwieldu 27 tarbija ġdida, peress li hemm minnhom tewmin.

Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt  konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ta d-dettalji dwar ir-rifużjoni tal-mediċini tal-IVF. Dan hekk, kif diġà tħabbar, il-Gvern se jagħti rifużjoni tal-ispiża tal-mediċini tal-IVF fil-forma ta’ għotja lil dawk il-koppji kollha li mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena kienu għaddejin mill-proċess tal-IVF sa meta mistennija jaslu l-mediċini f’nofs Ġunju ta’ din is-sena.

Id-Deputat Prim Ministru qal li matul is-sena li għaddiet ir-rata ta’ suċċess tal-IVF ġewwa pajjiżna kienet tajba ħafna – dik ta’ 21.5%.

Żied jgħid li għas-sena li qegħdin fiha l-programm tal-assisted procreation huwa wieħed ambizzjuż. Qal li fl-aħħar sentejn kien limitat minħabba l-pandemija u għalhekk din is-sena jridu mhux biss jerġgħu jaqbdu r-rittmu ta’ qabel il-pandemija, iżda qed jaraw ukoll li tkompli tintensifika l-ħidma f’dan ir-rigward.

Qal li l-Gvern ilu mill-2014 joffri dan is-servizz u l-maġġoranza tal-proċeduri li jagħmlu flimkien l-IVF, il-Gvern diġà jkomprihom mingħajr ħlas. Fil-fatt il-Gvern iħallas kompletament għas-servizz li jingħata f’Mater Dei inkluż it-testijiet tad-demm u tal-ġenetika, il-counselling, l-embryo transfers, fost affarijiet oħra.

Qal li bejn wieħed u ieħor dawn is-servizzi kollha, li kieku dak li jkun jagħmilhom b’mod privat, l-ispiża tkun ta’ madwar €15,000. Bħala eżempju, qal li wieħed irid iżid li l-proċess tal-gamete donation waħdu jiswa €4,000. 

Qal li ma’ dawn, anke dawk il-mediċini li mhux koperti f’din il-lista, il-Gvern se jkun qed iħallas għalihom ukoll. Il-prezzijiet tagħhom ivarjaw bejn €500 u jitla saħansitra €3,000 u aktar. Fil-fatt, qal li ilu għal dawn l-aħħar xhur li beda l-proċess ta’ procurement li jimxi ma’ regoli mhux biss nazzjonali iżda wkoll dak ewropej. Innota kif dan il-proċess jieħu numru ta’ xhur u qed jistennew li dan is-servizz ta’ mediċini jkun fuq il-formularju tal-gvern għas-sajf li ġej.

Dr Fearne qal li kif ħabbru, dawk il-persuni li jkunu għamlu s-servizz tal-IVF ġewwa Mater Dei mill-1 ta’ Jannar se jkunu qed jiġu mgħejuna b’mod finanzjarju fejn se jħallsu b’mod komplut għal dawn il-mediċini.

“Essenzjalment se naqtgħu kemm jista’ jkun burokrazija. Ngħaddu dawn il-flus immedjatament. F’każijiet li jkun hemm claims għola nikkunsidrawhom ukoll. Dan ikompli jagħmel kuraġġ lil dawk il-persuni li jixtiequ jkollhom familja iżda għal raġunijiet ta’ fertilità jkollhom bżonn dan is-servizz.”

It-tabib ewlieni tal-Gvern Dr Walter Busuttil qal li pruvaw jagħmlu sistema simplifikata kemm jista’ jkun f’dan ir-rigward fejn se jkun hemm formula speċjali li l-pazjenti li jgħaddu minn din il-proċedura jkunu jistgħu jimlew.

Fiha jistgħu jimmarkaw jekk kellhomx intrauterine insemination, embryo transfer jew stimulated cycle. Fuq il-formula se jkun hemm post ukoll fejn jistgħu jagħmlu l-IBAN number biex il-flus ikunu jistgħu jgħadduhom lill-individwi mingħajr diffiklultà kbira. Qal li meta kkalkulaw kemm jintefqu flus, pruvaw li dawk li jkollhom intrauterine insemination ikopru l-biċċa l-kbira tal-ispiża fejn jagħtuhom €500. Fl-istess waqt dawk li jagħmlu embryo transfer se jingħataw €1000 u dawk li jagħmlu stimulated cycle se jingħataw €2,500.

Qal li jista’ jkun hemm min jonfoq iktar u min jagħmel hekk se jkun hemm sistema li jekk jippreżenta l-prescriptions u l-irċevuti jkun hemm min jista’ jgħinu  jivverifikahom u jgħadduhom lid-Dipartiment konċernat u jgħaddulu d-differenza tal-flus ukoll.

Spjega li għal dawk li għamlu l-proċedura qabel ma qed jiddikjaraw issa, dawk se jippruvaw jgħinuhom fejn jagħtuhom assistenza jimlew il-formuli. Żied jgħid li għal dawk li għamlu l-proċeduri s’issa mhux se jkun hemm bżonn li jippreżentaw ċertifikati, prescriptions u irċevuti.

Sport