Sunday, November 24, 2024

Jim Ratcliffe qed jistenna l-konferma biex ikun is-sid il-ġdid ta’ Manchester United … iżda …

Aqra wkoll

Filwaqt li Sir Jim Ratcliffe qed jistenna l-konferma biex ikun is-sid il-ġdid ta’ Manchester United, il-club mistenni jiffaċċja sajf kaotiku fis-suq tat-trasferiment minħabba d-dewmien biex il-club jingħata t-treġija ġdida. 

Rapporti qed isostnu li s-sid ta’ Ineos ġie identifikat bħala l-offerent preferut biex jixtri l-club mingħand il-familja Glazer, iżda għadu ma rċeviez id-’dawl l-aħdar’ u għalhekk ir-Red Devils jinsabu ankrati f’pożizzjoni ta’ inċertezza hekk kif  fi ftit ġranet oħra jiftaħ is-suq tat-trasferiment. 

Dan ifisser li f’dan il-perjodu ta’ żmien kull club jidentifika l-akkwisti l-ġodda … jittieħdu d-deċiżjonijiet … u jibdew it-taħdidiet u n-negozjati neċessarji. 

Fil-veritá, il-coach Olandiż Erik ten Hag, għadu qed jibni l-iskwadra tiegħu u jidher li dan is-sajf se jkun wieħed diffiċli biex jiġu ffirmati players ġodda. 

Din l-inċertezza tat-teħid tal-kontroll tal-club qed tfixkel l-objettivi tal-club hekk kif player li qed jitqies bħala prijoritá fis-suq tat-trasferimenti huwa l-attakkant internazzjonali Ingliż ta’ Tottenham Hotspur, Harry Kane. 

L-għan ewlieni kien li l-United ikunu wieħed mill-aktar clubs attivi fis-suq tat-trasferimenti iżda qed jiġu mfixkla b’mod sinifikanti minn dan id-dewmien tal-proċess tal-bejgħ.

Manchester United se jkunu xahar b’lura minn meta jħabbru s-sid il-ġdid. Dan minħabba l-legalitá u d-diliġenza finanzjarja li jġibu magħhom sakemm il-bank ibbażat fi New York, Raine Group, li qed jissorveljaw il-bejgħ, jinnotifika l-konferma tas-sid il-ġdid. 

U kif inhuma sejrin l-affarijiet, is-suq tat-trasferimenti ikun ilu li fetaħ madwar tliet ġimgħat biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet finanzjarji. 

Sport