Monday, May 20, 2024

IL-QALBA DIĠITALI LEJN INQAS BUROKRAZIJA U TITJIB FIL-KWALITÀ TAS-SERVIZZI?

Aqra wkoll

Is-Servizz Pubbliku qiegħed fi stat li jkompli jtejjeb u jimmodernizza s-servizzi tiegħu għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Dan fil-kuntest li s-servizzi huma mifruxa sew u varjati. Għalhekk huwa importanti li għaż-żmien li ġej, is-servizz pubbliku jagħraf jisfrutta l-avvanzi mgħaġġla fit-teknoloġija, anke f’dak li għadu x’jaqsam mal-Intelliġenza Artifiċjali.

Dan it-tibdil kien ukoll fiċ-ċentru ta’ laqgħa tal-Kabinett li kienet miftuħa għan-nies fejn dawn setgħu jsemmgħu leħinhom dwar l-aspettattivi tagħhom mis-Servizz Pubbliku. Fost it-temi ewlenin li ġew diskussi kien hemm il-qalba diġitali u dik ambjentali – temi li dan il-Gvern qiegħed jagħtihom importanza kbira.

Tant hu hekk li fl-aħħar ħames snin sar investiment ta’ €500 miljun fil-qalba diġitali tas-servizz pubbliku, bil-Gvern se jagħmel ċert li dawn il-bidliet isiru mingħajr ma jinxteħtu piżijiet fuq il-poplu, speċjalment fuq dawk li jifilħu l-inqas.

Imma s-servizz pubbliku kemm huwa lest li jilqa’ għal din il-bidla diġitali? Fil-fehma tagħna, dan it-tibdil diġà qed narawh iseħħ fil-prattika, bit-titjib fil-kwalità tas-servizzi anke bis-simplifikazzjoni ta’ burokrazija żejda li kienet ilha tifni lis-Servizz Pubbliku għal bosta snin.

Dan qed ngħiduh ukoll anke fil-kuntest li matul is-snin komplew jiżdiedu u jitjiebu aktar servizzi fejn Malta saħħet postha fil-quċċata tal-eGovernment fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan juri wkoll l-impenn tal-Gvern li s-servizz pubbliku jitbiegħed minn proċessi tradizzjonali u jersaq aktar lejn id-diġitalizzazzjoni.

Iżda l-immodernizzar li għaddej minnu s-Servizz Pubbliku ma jiqafx biss mat-teknoloġija. Dan jinkludi wkoll id-dħul ta’ prattiċi ġodda, proċeduri iżjed rilevanti u anke għodod innovattivi bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fost oħrajn.

Sabiex il-poplu jifhem aħjar x’tinvolvi l-ħidma tas-servizz pubbliku, f’dawn il-jiem qiegħda tittella’ wkoll l-Expo f’Ta’ Qali li qiegħda sservi ta’ vetrina għall-aqwa għodod diġitali li jagħmel użu minnhom is-servizz pubbliku f’kull settur u qasam tal-ħajja.

Dan kollu qed isir anke fl-isfond tal-identità ġdida li nieda s-Servizz Pubbliku, bil-viżjoni li b’aktar investiment fl-infrastruttura u ħiliet diġitali, jista’ jkompli jimmodernizza lilu nnifsu kif ukoll lill-pajjiż.

Viżjoni li tiffoka fuq il-bżonnijiet tal-individwu u l-ħtieġa li s-Servizz Pubbliku jkompli jiġġedded u jaġġorna lilu nnifsu biex jasal għand kulħadd. Viżjoni waħda, illi ma tagħmel ebda differenza bejn Ministru, aġenzija jew Dipartiment.
Għalhekk filwaqt li huwa ta’ min ifaħħar il-ħidma ta’ dawk kollha involuti biex setgħet tittella’ din l-ewwel edizzjoni tal-Expo, jeħtieġ li s-Servizz Pubbliku jibqa’ miexi fit-triq li qabad b’ambizzjoni li jkompli jtejjeb aktar is-servizzi tiegħu.

Sport