Wednesday, December 25, 2024

Jinbeda l-bini tal-breakwater ta’ Wied il-Għajn

Intervent li huwa parti minn proġett ta’ €1.9 miljun

Aqra wkoll

Infrastructure Malta se tkun qed tibda t-tieni fażi ta’ proġett biex jerġa’ jinbena mill-ġdid il-breakwater l-antik u l-mollijiet ta’ maġenbu fil-parti ta’ ġewwa tal-Bajja ta’ Wied il-Għajn.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt żjara fuq is-sit fejn se jkunu qed isiru x-xogħlijiet. 

Il-Ministru qal li l-intervent huwa parti minn proġett ta’ €1.9 miljun li se jara l-bini mill-ġdid ta’ 140 metru ta’ moll tul Triq San Ġorġ, qrib il-Knisja Parrokkjali ta’ Wied il-Għajn, u mat-Tramuntana tax-xatt tal-bajja. Dawn il-mollijiet huma popolari fost ir-residenti ta’ Wied il-Għajn u dawk li jiffrekwentaw din iż-żona għall-għawm u għall-mixjiet mal-baħar. Il-pedamenti tagħhom ma baqgħux b’saħħithom minħabba għexieren ta’ snin ta’ erożjoni tal-baħar u l-wiċċ tal-konkos spiċċa maqsum u mħaffer. Fl-aħħar snin, partijiet minn dawn il-mollijiet waqgħu fil-baħar. Fil-ġranet li għaddew, Infrastructure Malta reġgħet bniet dawn il-mollijiet b’disinn ġdid u aktar sigur, inkluż ħajt li jilqa’ kontra l-mewġ biex jipproteġi lil dawk li qed jimxu u l-binjiet ta’ faċċata minn baħar imqalleb.

Il-Ministru Farrugia spjega li dawn ix-xogħlijiet huma importanti għas-sigurtà tal-bastimenti u d-dgħajjes u li issa bdiet it-tieni fażi li tinkludi l-bini mill-ġdid ta’ breakwater ta’ 80 sena li jagħti kenn lil din il-parti tal-bajja. Filwaqt li l-istruttura ta’ taħt il-baħar li tinsab fuq in-naħa ta’ barra ta’ dan il-breakwater għadha intatta, in-naħa ta’ ġewwa huwa prattikament iddiżintegrat.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, Infrastructure Malta bdiet twaqqa’ partijiet mill-breakwater li kienu waslu biex jaqgħu fil-baħar. Meta jitneħħew dawn il-partijiet, tim ta’ bennejja u għaddasa se jillivellaw qiegħ il-baħar biex iqiegħdu sisien ġodda bi blokki kbar tal-konkos precast li se jibqgħu telgħin sal-wiċċ. Din l-istruttura l-ġdida se tinkludi għajnuna għall-baħħara għan-navigazzjoni kif ukoll għas-sigurtà tagħhom. Jekk it-temp jippermetti, ix-xogħlijiet kollha se jkunu lesti sal-aħħar tas-sena.

Il-Ministru rrefera għal numru ta’ proġetti oħra mmexxija mit-tim tal-infrastruttura marittima ta’ Infrastructure Malta, fosthom qed jinbena mill-ġdid breakwater ieħor fil-Marfa, fil-Mellieħa, u qed jiġi ppjanat ukoll il-bini ta’ breakwater ġdid ta’ 180 metru f’Buġibba, f’San Pawl il-Baħar. Il-Ministru Farrugia temm jgħid li l-investiment fl-infrastruttura marittima għadu u se jkompli għaddej, hekk kif dan is-settur huwa kruċjali għall-ekonomija.

Ekonomija

Sport