Raġel sofra ġrieħi wara li għall-ħabta tal-00:15 a.m kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq l-Imdina Ħ’Attard.
Minn stħarriġ illi sar, irriżulta li raġel ta’ 28 sena, residenti San Pawl il-Baħar kien waqa’ waqt li kien qiegħed isuq mutur Honda VT600 u weġġa’.
Fil-post issejħu ambulanza u tim mediku li assistew lir-raġel sakemm aktar tard seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura neċessarja. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan l-inċident għadhom għaddejjin.