Thursday, April 25, 2024

Reazzjonijiet imħallta wara li l-kantanta Maltija m’għamlithiex għall-finali

Aqra wkoll

Ilbieraħ kienu konfermati l-ismijiet tal-25 pajjiż li se jkunu qegħdin jagħmluha għall-finali tal-Eurovision 2022. Dan hekk kif ilbieraħ għaddew l-aħħar għaxar finalisti mit-tieni semifinali li fiha għaddew il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Ażerbajġan, il-Polonja, il-Finlandja, l-Estonia, l-Awstralja, l-Iżvezja, ir-Rumanija u is-Serbja. Il-bqija tal-finalisti li għaddew mill-ewwel semifinali huma l-Litwanja, l-Iżvizzera, l-Ukrajna, l-Olanda, il-Moldova, il-Portugall, l-Iżlanda, il-Greċja, in-Norveġja u l-Armenja. 

“Għalkemm ir-riżultat mhuwiex dak mixtieq, għandna nkunu kburin aktar minn qabel bit-talent Malti”

Il-Ministru Owen Bonnici

Ma’ dawn l-20 pajjiż se jingħaqdu ħames pajjiżi oħra magħrufa bħala l-Big 5 li huma l-Italja, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u Spanja.

Fost reazzjonijiet imħallta għall-aħbar li pajjiżna mhuwiex fost dawn il-pajjiżi kien hemm bosta messaġġi ta’ kuraġġ għall-kantanta Maltija. 

Fost dawn kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li qal li minkejja li r-riżultat ma kienx dak mixtieq, bħala nazzjon għandna nkunu kburin aktar minn qabel bit-talent kbir tal-artista Maltija li bil-prestazzjoni tagħha kisbet l-ammirazzjoni ta’ ħafna u ħafna nies.

Il-kantanta Serba Konsytakta favorita li tikseb post mal-ewwel 10 fis-serata finali

Intant ma setgħux jonqsu r-reazzjonijiet imħallta tal-pubbliku fejn filwaqt li kien hemm bosta li qablu li bħala Maltin għandna nkunu kburin xorta waħda bit-talent lokali, oħrajn sostnew li pajjiżna qiegħed ikun żvantaġġjat f’dan il-festival. Fost kritika oħra, dawk intiżi fil-festival qabblu l-prestazzjoni tal-kantanta Maltija ma’ dik tal-kantanta Serba Konsytakta li kantat il-kanzunetta ‘In Corpore Sano’. Il-kantanta Serba rnexxielha tikseb post fil-finali u l-kumpaniji tal-imħatri qegħdin ibassru wkoll li se jirnexxielha tikseb post mal-ewwel għaxra fis-serata finali.

Għalkemm kien hemm bosta li sostnew li pajjiżna m’għandux jibqa’ jikkompeti f’dan il-festival, oħrajn għadhom jaqblu li dan il-festival jgħin fil-pubbliċità tal-pajjiż u l-artisti li jirrapreżentawna.

Sport