Saturday, November 16, 2024

Jinfetaħ ċentru ta’ ttestjar ġdid għall-Covid-19 u mil-lum jibda r-rapid testing

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mil-lum f’pajjiżna se tibda tintuża s-sistema ta’ rapid testing għall-Covid-19, li jagħti r-riżultat fi żmien qasir u proprju llum infetaħ ċentru ġdid għall-ittestjar għall-Covid-19 fil-Floriana li se jkun iddedikat għalhekk. Bħal lum ġimgħa jinfetaħ it-tieni ċentru tal-ittestjar li se jkun fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. 

Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha elenka uħud mill-miżuri rigward il-budget b’rabta mas-settur tas-saħħa. 

Rigward ir-rapid testing, huwa qal li lbieraħ waslu f’Malta l-ewwel 20,000 kit tar-rapid testing u spjega li ftit jiem oħra se jkunu qegħdin jaslu 50,000 kit oħra.

Id-Deputat Prim Ministru qal li minn din il-ġimgħa se jibda jintuża r-rapid testing għall-istaff tad-djar tal-anzjani. Apparti minn hekk, mill-ġimgħa li ġejja se jintuża r-rapid testing ġewwa l-ajruport biex jiżdiedu n-numru ta’ testijiet li jsiru għall-passiġġieri li jiġu minn barra l-pajjiż. 

“Eventwalment meta nkunu bdejna dawn is-sistemi nkunu nistgħu nżidu r-rapid testing fl-iskejjel u mal-għalliema, kif ukoll fejn jidħol il-kura primarja. Dan ifisser li dan ir-rapid testing se jkompli jgħin biex inżidu dejjem iżjed l-ammont ta’ test li nagħmlu ħalli jekk ikollna każijiet fil-komunità nsibuhom kmieni u ma jkomplux jinfirxu,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.

Ekonomija

Sport