Tuesday, July 15, 2025

Jinfetaħ spazju pubbliku mill-proġett tal-Imsida Creek għal żmien il-festa

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, fetaħ spazju ġdid bħala parti mill-proġett tal-Imsida Creek wara konsultazzjoni u qbil mar-residenti u għaqdiet tal-lokal.

Dan l-ispazju, li qiegħed quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Imsida, jifforma parti minn dak li fil-futur ser tkun il-pjazza l-ġdida tal-Imsida u nfetaħ b’mod temporanju hekk kif fi tmiem il-ġimgħa, din il-lokalità tiċċelebra l-festa ta’ San Ġużepp.

Diversi għaqdiet lokali qed jużaw dan l-ispazju għall-ewwel darba biex joħolqu attivitajiet għal familji u tfal, f’ambjent sigur. Ingħata wkoll spazju adegwat għall-attività tradizzjonali tal-Ġostra, li fil-futur se ssib il-post permanenti tagħha fil-proġett tal-Imsida Creek.

Il-Ministru Bonett segwa wkoll ix-xogħol fuq il-pont ġdid li nbena biex jgħaqqad in-naħa ta’ Ta’ Xbiex ma’ dik tal-Pietà. Taħt dan il-pont, għaddej xogħol fuq kanal ġdid li ser jgħin biex tiġi mmaniġġjata aħjar il-problema tal-għargħar li taħkem din iż-żona fil-maltemp.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett saħaq dwar l-importanza ta’ komunikazzjoni ċara u kontinwa dwar l-iżvilupp ta’ dan il-proġett, kemm mal-għaqdiet tal-lokal kif ukoll mar-residenti. “Wara li tkellimna mal-għaqdiet lokali, smajna x-xewqat tagħhom u assigurajna li jkollhom post xieraq fil-ħin, li fih ikunu jistgħu jiċċelebraw il-festa. Dan l-ispazju li ftaħna din il-ġimgħa, se jkompli jespandi fil-futur biex b’hekk il-Misidjani jkollhom pjazza ġdida kif jixirqilhom li sservi ta’ ċentru ħaj għall-komunità u żona mill-isbaħ fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu l-ħin flimkien” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Il-Ministru Bonett kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport