Friday, April 19, 2024

Jinfetaħ uffiċjalment il-pont pedonali u għaċ-ċiklisti fi Vjal l-Avjazzjoni

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, flimkien mat-tmexxija ta’ Infrastructure Malta, fetaħ b’mod uffiċjali l-pont pedonali u għaċ-ċiklisti fi Vjal l-Avjazzjoni bejn il-Gudja u Ħal Luqa. Dan il-proġett ta’ €2.3 miljun se jwassal għal konnessjonijiet aktar siguri bejn Ħal Luqa, il-Gudja, l-Ajruport, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-inħawi għal dawk kollha li jivjaġġaw permezz tal-pass jew tar-rota, filwaqt li hu aċċessibbli għal kulħadd.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Illum qed naraw faċilità ġdida frott tal-impenn infrastrutturali li dan il-gvern għandu għal pajjiżna. Kommessi li nkomplu ninvestu fl-infrastruttura fuq kull livell u li nkomplu noħolqu faċilitajiet siguri u ta’ kwalità għolja għall-utenti tat-toroq kollha, b’mod speċjali dawk li jkunu aktar vulnerabbli. Din hi ħidma li twassal għal livell ta’ għajxien aħjar għal pajjiżna u dan mhuwiex l-uniku proġett tat-tip tiegħu li għandna fil-pjan. Fil-futur qarib se nkunu qed niftħu pont simili fil-Blata l-Bajda filwaqt li dalwaqt se naraw ix-xogħlijiet jibdew għal faċilità oħra ta’ dan it-tip viċin tal-MCAST f’Raħal Ġdid, u minbarra dawn għandna oħrajn fil-pjan tagħna. Nirringrazzja lil Infrastructure Malta tal-ħidma impenjattiva u se nkomplu mixjin f’din id-direzzjoni pożittiva għall-benefiċċju tal-Maltin u tal-Għawdxin kollha.”

Il-pont jinkludi rampi u liftijiet biex jiffaċilita l-aċċessibilità u għandu konnessjoni diretta mal-waqfiet tat-trasport pubbliku, il-passaġġi pedonali u l-korsiji għaċ-ċiklisti li jinsabu f’din it-triq prinċipali. Il-proġett beda fit-tieni nofs tal-2019. Minbarra l-istruttura nnifisha u l-faċilitajiet tal-aċċessibilità u s-sigurtà, il-pont jinkludi wkoll dawl ġdid filwaqt li l-inħawi tal-madwar issa għandhom aktar minn 15-il siġra indiġena u madwar 130 arbuxxell miżrugħa minn Infrastructure Malta.

Sport