Thursday, March 28, 2024

Jinġabru 80 ċavetta wara infurzar mill-Awtorità tad-Djar fl-2021

Mandy Cilia
Mandy Cilia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bl-infurzar li wettqet l-Awtorità tad-Djar is-sena li għaddiet, inġabru 80 ċavetta wara li saru investigazzjonijiet dwar allegat każi ta’ abbuż. Mill-2017 sal-aħħar tas-sena li għaddiet inġabru total ta’ 392 ċavetta. 

Dan ħabbru l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarjiet li indirizza fejn ta rendikont tal-ħidma mwettqa f’dik li hi infurzar mill-Awtorità.  

YouTube video

Huwa qal li l-gvern irid ikun ta’ eżempju u jagħti messaġġ li ma jittollera l-ebda abbuż u tberbiq ta’ flejjes pubbliċi. Qal li r-rapporti li nġiebu għall-attenzjoni tegħu dejjem ħadhom b’serjetà kbira u ġew mgħoddija lill-awtoritajiet inkluż lill-pulizija.

Il-Ministru Galdes żied jgħid li se jkomplu jaħdmu biex il-ġlieda kontra dawn l-abbużi tkompli tonqos biex b’hekk ikunu jistgħu jieħdu propretajiet lura għall-istat u eventwament joħduhom persuni li jkun ħaqqhom l-għajnuna. 

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay semma t-tipi ta’ każi ta’ abbuż li ltaqgħu magħhom f’dawn l-aħħar xhur. Fost dawn kien hemm  persuni li jidħlu fi proprjetà tal-gvern li fuqha m’għandhomx titlu, infurzar f’units okkupati minn nies mingħajr ebda titlu, kif ukoll postijiet li jitħallew vojta mingħajr ma tiġi ritornata ċ-ċavetta. 

Ritratt: Alan Saliba

Huwa żied jgħid li kellhom persuni li użaw l-appartament tagħhom biex minnu jaqilgħu l-flus, abbuż fuq iż-żamma tal-post kif ukoll kirjiiet li ma jitħallsux. Abbuż ieħor huwa meta jsiru strutturi illegali fil-partijiet komuni u meta persuni jitolbu flejjes, iwegħdu postijiet tal-awtorità tad-djar li ma jeżistux, u l-persuna tintalab depożitu fuqu. Huwa kkonferma li f’kull każ li kienet infurmata bih l-awtorità, dejjem għadda lill-pulizija biex issir l-investigazzjoni li kien hemm bżonn.

Huwa temm jappella biex dawk li jisfaw vittmi ta’ frodi, jinformaw minnufih l-awtorità sabiex jittieħdu l-passi meħteġa. 

Ekonomija

Sport