Saturday, December 21, 2024

Jinġabru aktar minn €40,000 għal Puttinu Cares

Aqra wkoll

Il-Ħadd fil-għaxija ġiet fi tmiemha it-tielet edizzjoni tal-maratona ta’ football mtella mill-Club tal-Fgura United FC b’risq il-Fondazzjoni Puttini Cares.
Il-Club xtaq li fl-għeluq il-50 sena mit-twaqqif tiegħu jibgħat sinjal ċar u qawwi li f’anniversarju storiku bħal dan l-attivita’ prinċipali tkun okkazzjoni biex tiġi ċċelebrata r-ruħ soċjali tal-Club u l-membri fi ħdanha.
Grazzi għal ħidma tal-President Larkin Bonnici u l-kumitat, u il-kontribuzzjonijiet kontinwi minn kumpaniji, ħafna minnhom partners ta l-istess Club, għaqdiet soċjali u politiċi tal-lokal u persuni distinti, players u ġenituri tat-tfal li jattendu l-istess Nursery inġabret somma sabiħa ta’ €40,025.

Il-President Bonnici esprima is-sodisfazzjon tiegħu fi tmiem il-maratona meta qal li minkejja li din kienet milquta wkoll minn żewġ maltempati qawwija, il-logħob xorta kwazi kompla mingħajr waqfien u dan jagħti sinjal ċar kemm il-Puttinu Cares Foundation hija f’qalb il-Maltin. Irringrazzja lil dawk il-volontarji li taw sehemhom biex il-maratona kienet is-suċċess li kienet u lil persuni kollha li għenu biex tinġabar iċ-ċifra rekord. Fakkar li f’edizzjonijiet passati l-ammont li nġabru kienu qabżu l-€4,000 u d-€9,000 rispettivament.
Dr. Victor Calvagna u Rennie Zerafa ma kellhomx kliem biex jirringrazzjaw lil Club tal-Fgura u s-sostenituri tiegħu għal din id-donazzjoni. Qalu li Puttinu nibtet minn idea żgħira li maż-żmien qegħda dejjem tikber bi proġetti kapitali bl-għan li jtaffu l-uġiegħ tal-familji u jwensu u jwieżnu lil dawk li jiġu bżonn is-servizzi tagħhom. Qalu li bejn 60 u 90 persuna fix-xahar jagħmlu użu mill-appartamenti tagħhom f’Londra u dawn l-għotjiet ta’ din ix-xorta jagħmluha possibli biex l-għaqda tkompli tgħin lil dawn il-familji. Is-Sur Zerafa, CEO ta’ Puttinu Cares, wiegħed li bħala turija ta apprezzament waħda mill-kmamar fl-appartamenti li qegħdin jinbnew ġewwa Londra ser tkun qiegħda tiġi msemmija għal Club tal-Fgura United.  

Ekonomija

Sport