Monday, May 13, 2024

Il-Parlament jagħti l-kondoljanzi lill-Ispeaker għat-telfa ta’ ommu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Parlament sellem il-memorja ta’ Catherine Farrugia, li tiġi omm l-Ispeaker Anġlu Farrugia u li ħalliet din id-dinja fis-6 ta’ Settembru li għadda.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne semma kif Catherine kienet persuna li tħobb u tħenn għal ħaddieħor, liema prinċipju għaddietu wkoll lil uliedha.

“Naf li inti (l-Ispeaker) persuna li wkoll tħobb u tħenn għal ħaddieħor. Jekk tara lil xi ħadd li jkollu bżonn l-għajnuna tagħmel minn kollox biex tgħinu. Dawn huma l-valuri li Catherine għaddiet lilek,” qal Fearne.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li Catherine kellha tbissima partikolari, li tolqot lin-nies. “Catherine kienet mara pożittiva li għaliha l-familja, ir-raġel u l-avvanz ta’ wlieda kienu kollox,” qal Grech.

Tkellem ukoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia li qal li ommu kienet persuna li tħobb lil kulħadd. “Dan kien in-natural tagħha. Kienet ukoll persuna indipendenti. Meta kienet tkun muġugħa, ma kinitx tgħid li hi muġugħa,” qal l-Ispeaker li rringrazzja liż-żewġ naħat tal-Kamra tal-kondoljanzi tagħhom.

Sport