Jgħid dan l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri fl-inkjesta pubblika dwar l-imsemmi qtil
L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri qal li nġabru biss il-“call logs” tal-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta wara li ismu ħareġ fil-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Meta kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar l-imsemmi qtil, Magri kien mistoqsi dwar il-leaks tal-pulizija u l-fatt li s-suspettat mandant fil-qtil Yorgen Fenech kien allegatament jirċievi informazzjoni dwar l-investigazzjoni kriminali li għaddejja minn Valletta.
Magri qal li l-ebda laptop jew mobile ta’ Valletta ma nġabru waqt l-investigazzjoni waqt li nsista li l-eks uffiċjal tal-Pulizija kien ċaħad l-allegazzjonijiet li saru mill-middleman Melvin Theuma. Huwa qal ukoll li sar jaf bir-relazzjoni li kien hemm bejn Valletta u Fenech mill-gazzetti.
Magri, li ġie maħtur Aġent Kummissarju tal-Pulizija f’Jannar wara li Lawrence Cutajar irrriżenja mill-kariga ta’ Kummissarju, tenna li l-investigazzjonijiet kollha baqgħu għaddejjin taħt it-tmexxija tiegħu.
Qal li huwa spiċċa biex dgħajjef u naqqas ir-ritmu tad-dipartimenti l-oħra biex jiżgura li l-investigazzjonijiet ewlenin ikunu mgħammra sew. Qal ukoll li l-FBI ma kinux għadhom involuti fl-investigazzjonijiet tal-qtil.
L-inkjesta pubblika rritornat wara nuqqas ta’ tliet xhur minħabba l-pandemija tal-Covid-19. L-inkjesta, li mistennija tkompli nhar l-Erbgħa li ġej, hija mmexxija mill-eks Imħallef Michael Mallia, l-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicio u l-Imħallef Abigail Lofaro.