Puttinu Cares ġabar ftit iktar minn €3.3 miljun fil-maratona televiżiva ta’ matul il-Ġimgħa l-Kbira, li bdiet filgħodu għall-ħabta tad-9.15 u ntemmet f’nofsillejl. Fil-maratona spikka l-entużjażmu tan-nies biex jgħinu kemm jistgħu.
Waqt l-istess maratona tħabbar li l-Gvern kien se jagħti €50,000 oħra mill-Fond għall-Kawżi Soċjali b’risq il-proġett li Puttinu Cares qed jaħdem fuqu fiċ-Ċentru ta’ Londra.
Din is-somma se tiżdied mal-€50,000 oħra li l-Prim Ministru ta l-Ħamis wara li tħassret il-mixja annwali, fil-lejl ta’ bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, mill-Pjazza tal-Mellieħa sal-Fosos tal-Furjana.
Wara li ntemmet il-maratona Angele Cuschieri il-President ta’ Puttinu Cares irringrazzjat lil kull min b’xi mod ta sehmu b’qalb genwina biex din il-maratona tkun suċċess.
Iddikjarat li “grazzi mill-qalb lill-voluntiera kollha, lill-istazzjonijiet kollha tat-TV, lill-mezzi tal-media soċjali u lil dawk kollha li taw xhieda b’saħħitha għal Puttinu. Grazzi lil kull min għamel donazzjonijiet ta’ kull tip u fetaħ il-bibien tiegħu għal Puttinu bla kundizzjonijiet “

