Saturday, May 4, 2024

Jingħata bidu għal Malta Pride 2021

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera nedew ‘Refraction’, wirja tal-arti li tinkludi xogħlijiet minn diversi artisti LGBTIQ+ internazzjonali u lokali li qed timmarka l-ftuħ ta’ Malta Pride 2021. Il-wirja qed issir ġewwa Spazju Kreattiv u se tibqa’ għaddejja għal sitt ġimgħat mill-10 ta’ Settembru, 2021.

Din il-wirja hija biss l-ewwel avveniment minn programm ta’ attivitajiet varjati organizzat mill-Allied Rainbow Communities (ARC) bħala parti mill-Malta Pride Week 2021 bit-tema #YouAreIncluded.

Fid-diskors tiegħu għall-okkażjoni, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici qal li, “Malta għamlet passi kbar ’il quddiem fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ mill-2013 sal-lum, u dawn id-drittijiet li ksibna flimkien f’Malta huma kkunsidrati bħala mudell għal pajjiżi Ewropej oħrajn u dan għandu jagħmilna tassew kburin.”

“Xorta waħda għad fadal ħafna aktar xogħol xi jsir,” kompla l-Ministru Bonnici, “u din hija r-raġuni għaliex ‘Pride’ għadu rilevanti u għandu jibqa’ jiġi ċċelebrat. Ma naffordjawx li nagħlqu għajnejna u nieħdu dawn id-drittijiet for granted, għax għad hawn wisq nies madwar id-dinja li għadhom oppressi sempliċiment għax huma dak li huma. F’dan il-qasam, Malta tista’ tassew tkun ta’ eżempju, u fl-istess waqt irridu nkomplu nsawru komunitajiet f’pajjiżna li jilqgħu d-diversità u l-ugwaljanza.”

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal li, “Spazju Kreattiv ġie stabbilit sabiex jenfasizza l-libertà tal-artisti u l-kreattivi tagħna. Dan il-forum jgħożż u japprezza d-diversità bis-sħiħ. Għalhekk, huwa xieraq li l-Malta Pride Week tibda propju minn Spazju Kreattiv.”

Il-President tal-ARC Clayton Mercieca qal li, “It-tema ta’ din is-sena ‘You Are Included’ taċċenna għall-importanza li, avolja mxejna ħafna ’l quddiem f’dan il-qasam, għad hemm ħafna xogħol xi jsir fejn tidħol edukazzjoni, saħħa, attitudnijiet u fl-identità tal-ġeneru qalb dawk li huma minoranza f’minoranza.”

Is-Sur Mercieca kompla jispjega li l-wirja ‘Refraction’ hija aktarx l-ewwel wirja tax-xorta tagħha f’Malta fuq din l-iskala.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai tenna li huwa kuntent li Allied Rainbow Communities għażlu li jniedu l-programm ta’ Malta Pride Week fi Spazju Kreattiv u li fost l-attivitajiet għal din iċ-ċelebrazzjoni hemm l-aspett kreattiv.

“Wieħed mill-għanijiet tal-fondazzjoni huwa li tkun katalista tad-diversità fejn tkompli tiżviluppa oqsma fis-settur kulturali li huma ħafna drabi injorati u tagħti vuċi lil artisti permezz tal-arti tagħhom. Għaldaqstant, huwa importanti li nkomplu noħolqu opportunitajiet u nassistu artisti ta’ għada fis-settur kreattiv Malti,” tenna s-Sur Cefai.

L-esebizzjoni ‘Refraction’, li tifforma parti mill-programm ħolistiku ta’ Spazju Kreattiv 2021-22 u kif ukoll ta’ Malta Pride Week, fetħet il-bibien tagħha waqt l-istess tnedija u tibqa’ miftuħa sal-24 ta’ Ottubru, u twassal il-messaġġ ta’ ċelebrazzjoni ta’ dak li huwa ġeneralment emarġinat, minsi, jew miftiehem ħazin, kif ukoll hija rikonoxximent li l-ġlieda kontinwa għad-drittijiet LGBTIQ+ hija waħda globali. 

Minħabba l-pandemija, il-Pride March din is-sena ma setax isir, hekk kif ġeneralment jattira eluf lejn it-toroq tal-kapitali. Madankollu, l-organizzaturi qed jippreżentaw programm ta’ avvenimenti biex jiċċelebraw l-inklużjoni u d-diversità, iqajmu għarfien dwar kwistjonijiet pertinenti għall-komunità LGBTIQ+ u jipprovdu opportunitajiet biex il-komunità tkun tista’ terġa’ tiltaqa’ u tingħaqad b’rispett sħiħ għar-regolamenti tal-Awtorità tas-Saħħa.

L-attivitajiet għall-Pride ta’ din is-sena se jibdew il-Ġimgħa, 10 ta’ Settembru, u jibqgħu sejrin sal-Ħadd, 19 ta’ Settembru, u se jvarjaw minn wirjiet sa diskussjonijiet, diskorsi, u anke kunċert fil-Ġonna tal-Argotti il-Furjana. Diversi stabbilimenti differenti se joffru opportunitajiet ta’ soċjalizzazzjoni għall-komunità, dejjem skont ir-regolamenti maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit uffiċjali tal-Malta Pride www.maltapride.org.

Sport